Monday, February 23, 2026

MPs tar-Renju Unit jiddiskutu t-tnedija ta’ inkjesta dwar tal-eks prinċep Andrew

Aqra wkoll

Il-Kumitat Parlamentari għan-Negozju u l-Kummerċ tar-Renju Unit se jiltaqa’ llum biex jiddiskuti t-tnedija ta’ inkjesta dwar ir-rwol ta’ Andrew Mountbatten-Windsor, bħala l-mibgħut kummerċjali tar-Renju Unit wara l-arrest tiegħu. 

L-eks prinċep ġie arrestat mill-Pulizija ta’ Thames Valley nhar il-Ħamis, fuq suspett ta’ mġiba ħażina waqt li kien jokkupa kariga pubblika. Huwa ġie rilaxxat taħt investigazzjoni 11-il siegħa wara.

Andrew kellu r-rwol tal-mibgħut kummerċjali tar-Renju Unit mill-2001 sal-2011 u dik il-kariga tagħtu aċċess privileġġjat għal kuntatti ma’ persuni għolja fil-gvernijiet u n-negozji madwar id-dinja.

Il-Kumitat bejn il-partiti fil-Parlament se jiddiskuti l-għażliet wara l-allegazzjonijiet li Andrew għadda fajls u informazzjoni kunfidenzjali tal-gvern waqt li kien fil-kariga, iżda se jevita li jiffoka fuq Andrew waqt li jkun involut f’investigazzjoni.

Dan se jsir hekk kif il-gvern ikkonferma li qed jikkunsidra leġiżlazzjoni biex ineħħi lil Andrew mil-linja rjali tas-suċċessjoni – bħalissa huwa t-tmien wieħed fil-linja għat-tron – fost pressjoni dwar ir-rabtiet tiegħu ma’ Jeffrey Epstein, li nstab ħati ta’ reati sesswali.

Andrew dejjem ċaħad kwalunkwe għemil ħażin fir-rigward ta’ Epstein; u ma weġibx għat-talbiet tal-BBC għal kummenti dwar allegazzjonijiet speċifiċi li ħarġu wara r-rilaxx ta’ miljuni ta’ fajls mill-Istati Uniti f’Jannar b’konnessjoni mal-każ tal-finanzjarju, illum mejjet.

Nhar is-Sibt, diversi karozzi mhux identifikati tal-pulizija reġgħu dehru fl-eks mansion ta’ Andrew f’Windsor, Royal Lodge, fejn għex għal ħafna snin. Il-Pulizija ta’ Thames Valley kienet mistennija tkompli tfittex fil-proprjetà, skont ma qed jgħidu l-aġenziji tal-aħbarijiet.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport