Mrieħel Billiard House A u Cospicua Rangers A rebħu l-ewwel legs tas-semifinali tan-National KO tal-Blackball sabiex iżommu t-tamiet tagħhom ħajjin għall-post fil-finali.
Mrieħel Billiard House A għelbu lil Qormi Pinto A 13-7 filwaqt li f’konfront iktar bilanċjat, Cospicua Rangers rebħu 11-9 lil Ħamrun 147 A.
It-tieni legs ta’ dawn is-semifinali se jintlagħbu għada u b’hekk ikunu deċiżi l-finalisti li jiltaqgħu kontra xulxin fl-10 t’Ottubru li ġej.
Fir-Regional League, il-finalisti huma Qormi Pinto B u Birkirkara Youngsters. Il-Qriema għelbu 21-13 lil Valletta Fossa Boys filwaqt li l-Karkariżi kisbu skor ta’ 21-18 kontra Ħamrun 147 C. Il-finali se ssir nhar il-Ħamis 9 t’Ottubru li ġej.
Finalment fil-finali tal-Community League ta’ nhar l-Erbgħa li ġej se jkunu Birkirkara Juve u San Ġwann Tiki Taka Buddies li se jikkontestaw l-iktar logħba importanti għalihom.
Birkirkara Juve rebħu lil Ħamrun 1889 Bar 21-10 b’San Ġwann Tiki Taka Buddies li għelbu lil Cospicua Rangers B bl-istess skor.
Il-finali se jsiru fil-Fuego Speakeasy Arena f’Birkirkara.