Il-mudell ekonomiku li fassal u adotta dan il-Gvern f’dawn l-aħħar snin serva l-iskop tiegħu billi ħoloq ekonomija ta’ opportunitajiet. Inkoraġġixxa wkoll il-ħolqien ta’ startups partikolarment minn żgħażagħ li ħolmu li xi darba jistgħu jsiru imprendituri. Dan huwa sostnut minn sistema avvanzata tal-edukazzjoni li għarfet tisfrutta l-iżviluppi li qed iseħħu madwarna b’mod partikolari fit-teknoloġija.
Fuq dan it-tibdil huwa mibni l-futur tal-pajjiż, tant hu hekk li l-Unjoni Ewropea qiegħda tagħfas ħafna fuq l-ekonomija diġitali. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Malti qiegħed ikompli sabiex permezz tal-industrija diġitali jinħolqu aktar impjiegi ta’ kwalità li minnhom jibbenefikaw ukoll iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
Għalhekk, nemmnu li kienet għaqlija d-deċiżjoni li l-ekonomija tagħna tibqa’ tkun diversifikata sabiex ikomplu jinħolqu aktar opportunitajiet u dan minnu nnifsu għandu jqawwilna qalbna għall-ġejjieni ekonomiku li jattira aktar investiment barrani lejn pajjiżna.
Dan jorbot ukoll maċ-ċertifikati li qed jingħataw lil pajjiżna minn aġenziji ta’ kreditu internazzjonali illi kull waħda minnhom qed tara prospetti sbieħ għall-ekonomija Maltija b’mod inġenerali.
Imma lil hinn minn dan, il-Gvern qiegħed jaħdem sabiex ikompli jgħin lil faxex differenti tas-soċjetà fl-istess waqt li jibqa’ jwieżen lil dawk l-aktar vulnerabbli jew li jifilħu l-inqas. Mhux l-inqas lill-klassi medja li hija ħolqa fis-sinsla ekonomika ta’ pajjiżna. Il-budget għas-sena 2025, kif imħabbar diġa mill-Prim Ministru Robert Abela, se jara l-akbar tnaqqis fit-taxxa li qatt saret fl-istorja ta’ pajjiżna. Din se tkun miżura oħra ntiża li tkompli ssaħħaħ l-impenn u tagħti kuraġġ lil din il-klassi ta’ ħaddiema biex tkompli miexja ‘l quddiem.
Dan kollu nemmnu li jista’ jsir għaliex pajjiżna għandu ekonomija li baqgħet robusta minkejja s-sitwazzjoni internazzjonali u l-isfidi xejn sbieħ ta’ bħalissa.
Li kieku f’mumenti diffiċli l-gvern ma kienx bilgħaqal, kieku ma kienx ikun f’pożizzjoni li jissussidja b’miljun ewro kuljum il-prezzijiet tal-fjuwil u l-elettriku. Spiża li qed tintrefa’ kollha kemm hi mill-Gvern u li tfisser ukoll li dawn il-flus baqgħu fil-bwiet tan-nies.
Nemmnu għalhekk li l-Gvern għandu jkompli jibni fuq dan il-mudell ekonomiku u jibdel biss fejn ikun meħtieġ sabiex pajjiżna jkompli jkun jista’ jilqa’ għall-isfidi tal-lum kif ukoll dawk li nistgħu niffaċċjaw fil-futur.