Sunday, November 24, 2024

MUDELL EKONOMIKU LI SERVA TAJJEB LILL-PAJJIŻ

Aqra wkoll

F’dawn l-aħħar snin, mill-2013 ‘il hawn, kwartieri politiċi, inkluż il-Partit Nazzjonalista u sezzjonijiet tal-midja kienu ħarġu qatta bla ħabel kontra l-mudell ekonomiku li pajjiżna qed iħaddem bħalissa. Ikkritikaw, kif għadhom jagħmlu s’issa, li dan il-mudell huwa żbaljat għax imsejjes fuq iż-żieda fil-popolazzjoni u faqa’ lil pajjiżna bil-ħaddiema barranin.

Dawn għandhom kull dritt jikkritikaw għax pajjiżna hu demokratiku, iżda li jikkritikaw bl-addoċċ ma jkagħmel ġid lil ħadd. Qed jattakkaw il-mudell ekonomiku attwali għax m’humiex jaraw, forsi għax hekk jaqblilhom, ir-realtajiet kif inhuma llum. Pajjiżna, għal raġuni jew oħra, għamel snin twal ibati min-nuqqas sever ta’ ħaddiema b’ħiliet għolja. Tant li għal diversi drabi kien tmexxa l-argument illi l-istituzzjonijiet edukattivi, fosthom l-universita, ma kienux qed jipprovdu għal ħtiġijiet ekonomiċi u industrijali ta’ pajjiżna.

Fattur ieħor li wkoll qed jiġi njorat konvenjentement huwa dak demografiku. Bħal kważi l-pajjiżi kollha tal-Ewropa il-popolazzjoni Maltija qed tixjieħ b’rata aktar mgħaġġla mit-twelidijiet. Dan il-fattur, jekk mhux illum, fil-ġejjieni qarib se jħalli konsegwenzi serji fuq is-soċjeta Maltija.

Statistika li ħarġet mill-Eurostat f’Marzu li għadda poġġiet lil Malta fl-aħħar post f’dik li hi fertilita b’rata ta’ twelid f’pajjiżna ta’ 1.13 wild ħaj għal kull mara. Dan ifisser ukoll li fil-futur mhux imbiegħed, jekk ir-rata ta’ fertilita se tibqa baxxa ħafna kif inhi f’pajjiżna,flimkien mal-fatt li n-nies qed jgħixu aktar, jista’ jkun hawn aktar anzjani milli ħaddiema biex isostnu t-tkabbir tal-ġid nazzjonali u l-firxa wiesa ta’ benefiċċji soċjali.

Gvern Laburista, għax konxju ta’ dawn ir-realtajiet u għax ma setax iħalli li investiment f’teknoloġija avvanzata ma jiġix lejn pajjiżna minħabba nuqqas ta’ ħaddiema kwalifikati, ma kellux triq oħra għajr li jinġiebu ħaddiema barranin biex jimlew setturi fejn ħaddiema Maltin ma kienx hemm biżżejjed.

Kull mudell ekonomiku, bħal kull sistema dinamika oħra, jiġi mibni, jevolvi u jasal il-waqt meta dak il-mudell ekonomiku ikun meħtieġ li jiġi aġġornat u anki mibdul għax iċ-ċirkostanzi jkunu nbidlu. U x’fiha ħażin li mudell ekonomiku, li jkun serva tajjeb matul is-snin, jinbidel meta l-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali jkunu nbidlu u ma baqgħux li kienu sa ftit tas-snin qabel!

Il-Partit Nazzjonalista, b’mod partikulari l-kap tiegħu, bl-iktar mod inkonsistenti filli jattakka lill-gvern għax skont hu l-ekonomija inbniet fuq iż-żieda fil-popolazzjoni u filli jgħajjar lill-gvern b’u-turn jekk jaġġorna l-mudell ekonomiku tal-lum. Turija ċara li mal-PN ħadd ma jaf fejn hu.

Għalhekk, nemmnu li dak li qal il-Prim Ministru ftit tal-jiem ilu jagħmel ħafna sens li issa hu l-mument li pajjiżna jgħaddi biex jiffoka l-aktar fuq il-kwalita u mhux fuq il-kwantita b’mod partikularli s-settur tal-impjiegi. Dan ifisser li pajjiżna se jibda u jkompli jħares lejn impjiegi ta’ kwalita li jġibu magħhom pagi u kundizzjonijiet xierqa u mhux sfruttament.

F’dan il-kuntest, aħna favur li l-aġenziji li jġibu ħaddiema barranin f’Malta jkunu regolati b’liġi imma mhux biss. Mar-regoli jkun jinħtieġ ukoll l-infurzar. Ma’ dan ukoll, għadna nemmnu u nappoġġjaw b’mod qawwi li s-sħubija fi trade union tkun mandatorja biex il-kwalita tal-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ma jitmermrux u jibqgħu protetta sew għall-ħaddiema Maltin u anki għall-barranin li pajjiżna jkollu bżonn għas-suq tax-xogħol.

Sport