Thursday, December 26, 2024

Mudella Russa tinstab mejta f’bagalja sena wara li għebet

Aqra wkoll

Mudella Russa li kienet ittimbrat lill-President Russu Vladimir Putin bħala ‘psikopata’ dan l-aħħar instab il-katavru tagħha moħbi f’bagalja tal-ivvjaġġar aktar minn sena wara li għebet. Il-Mudella, Gretta Vedler ta’ 23 sena, kienet kitbet fuq il-midja soċjali illi l-isforzi ta’ Putin biex ‘Isaħħaħ l-integrità tar-Russja’ se jispiċċaw fid-dmugħ.

L-eks għarus ‘għajjur’ tagħha, Dmitry Korovin, ta’ 23 sena, ammetta li hu fgaha għall-mewt f’Moska fi Frar tas-sena l-oħra, wara argument bejniethom fuq il-flus. Huwa żvela mal-interrogaturi li qatta’ tliet iljieli f’kamra ta’ lukanda bil-katavru tagħha qabel ma ħbieh ġo bagalja ġdida u saq 300 mil lejn ir-reġjun ta’ Lipetsk fejn ħallieh fil-but tal-karozza.

Wara li kkommetta dan id-delitt, Korovin beda jpoġġi ritratti u messaġġi fuq il-midja soċjali tal-mudella biex iġiegħel lil ħbiebha jemmnu li kienet għadha ħajja. Il-katavru ta’ Vedler ġie skopert wara li ħabib tagħha, Evgeniy Foster, li huwa blogger f’Kharkiv, sar suspettuż u ħeġġeġ ħabib ieħor f’Moska biex jagħmel rapport lill-pulizija dwar l-għajbien ta’ Vedler. Filmat mill-Kumitat Investigattiv tar-Russja juri lil Korovin kif allegatament huwa qatel lill-mudella filwaqt li kien qed jagħmel ammissjoni sħiħa tad-delitt.

L-istqarrijiet li kienet għamlet il-mudella dwar Putin f’Jannar 2021 mhumiex meqjusa li għandhom rabta mal-mewt tagħha, iżda qed ikesksu fid-dawl tal-avvenimenti ta’ bħalissa fl-Ukrajna. Gretta Vedler kienet imħassba dwar kif Putin irażżan il-protesti kontrih. Hija kitbet: ‘Minħabba l-fatt li Putin għadda minn ħafna umiljazzjoni fit-tfulija tiegħu minħabba l-istatura tiegħu mhix sorpriża li telaq mill-kors tal-liġi u ngħaqad mal-KGB. Nies bħal dawn huma timidi u jibżgħu mit-tfulija, jibżgħu mill-istorbju u d-dlam, għalhekk karatteristiċi bħal kawtela, rażan, u nuqqas ta’ komunikazzjoni huma żviluppati kmieni fil-karattru tagħhom.’

Hija kienet qalet lis-segwaċi tagħha illi ‘Għall-Psikopati, huwa importanti li kontinwament jesperjenzaw sens ta’ milja tal-ħajja, għalhekk iħobbu r-riskju, esperjenzi intensi, komunikazzjoni intensa, attività intensa – ħajja intensa u dinamika.

Ekonomija

Sport