Tuesday, June 17, 2025

MUKA JERĠA’ JOĦLOQ KOMMOSSJONI FIL-QORTI 

Aqra wkoll

Wara li lbieraħ, Daniel Muka – l-akkużat li beda għaddej ġuri dwar il-qtil doppju f’Tas-Sliema fl-2020 – kellu jitneħħa mill-awla fuq ordni tal-Imħallef minħabba l-atteġġjament storbjuż tiegħu, illum reġa’ għamel l-istess wara li l-Avukat tiegħu rrinunzja milli jiddefendih f’dan il-ġuri.

L-Avukat tiegħu, Mario Mifsud, kien għamel talba lill-Qorti, anke lil dik kostituzzjonali, biex jingħata aktar ħin biex jifli sew il-każ. Din it-talba ma ġietx milqugħa mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras li quddiemha qed jinstema’ l-ġuri, u kien f’dan il-mument li l-Avukat Mifsud irrinunzja milli jkompli jiddefendi lil Muka. 

Kien hawn li l-akkużat Muka beda jgħajjat u jinsisti biex ikun assistit minn Avukat, minkejja li ngħata Avukat tal-Għajnuna Legali. Fid-dawl li baqa’ jinterrompi, l-Imħallef Galea Sciberras ma kellhiex għażla oħra ħlief li tordna li Muka jinħareġ mill-awla u jsegwi l-proċeduri minn kamra oħra u tatu d-dritt li jikkomunika mal-avukat tiegħu.

Qabel bdiet is-seduta tal-lum, l-Imħallef wissiet lil Muka biex ma jerġax jirrepeti l-atteġġjament ta’ nhar it-Tnejn u jekk kien se jagħmel l-istess kien se jerġa’ jkun imneħħi mill-awla fejn qed jinstema’ l-każ, kif fil-fatt ġara’. 

Il-Qorti semgħet ukoll ix-xhieda ta’ Chris Siegersma, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, li qal li dalgħodu Muka rrifjuta li jidher il-Qorti għax qal li ladarba m’għandux Avukat, mhemmx lok li jidher quddiem il-Qorti. 

Siegersma qal li Muka nsista li jsegwi l-proċeduri mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Ix-xhud kompla qal li f’dan il-mument li l-akkużat hedded illi kien se jagħmel kaos fil-Qorti. Madanakollu, meta nġieb fil-Qorti, l-uffiċjali korrettivi rnexxielhom jikkalmawh. 

Daniel Muka qed jgħaddi ġuri flimkien ma’ Viktor Dragomanski ta’ 42 sena mill-Maċedonja ta’ Fuq dwar il-qtil tat-Tabib Chris Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowiski fit-18 t’Awwissu tal-2020. L-awtopsja kienet ikkonkludiet li l-vittmi nqatlu b’tiri ta’ arma tan-nar. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport