L-Imħallef Natasha Galea Sciberras tat is-sentenza tagħha fil-konfront ta’ żewġ persuni li għaddew ġuri b’rabta mal-omiċidju doppju li seħħ ħames snin ilu f’Tas-Sliema.
L-Albaniż Daniel Muka u l-Maċedonjan Viktor Dragomanski kienu nstabu ħatja t’akkużi differenti fil-każ dwar il-qtil tat-Tabib Chris Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski. Iż-żewġ vittmi kienu nqatlu fir-residenza tagħhom fi Triq Locker, nhar it-18 t’Awwissu 2020.
Muka nstab ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih fosthom il-qtil ta’ Pandolfino u Maciejowski u serq aggravat filwaqt li Dragomanski nstab ħati ta’ serq aggravat bl-omiċidju iżda mhux ħati ta’ kompliċità fil-qtil.
L-Imħallef Galea Sciberras ikkundannat lil Daniel Muka għomru l-ħabs b’sitt perjodi ta’ reklużjoni filwaqt li Dragomanski kien ikkundannat 40 sena ħabs.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-ġuri tmexxiet mill-Avukati Maria Francesca Spiteri u Kevin Valletta mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
L-Avukati Josè Herrera u Alex Scerri Herrera dehru għal Dragomanski, l-Avukat tal-Għajnuna Legali Josette Sultana dehret għal Muka filwaqt li l-Avukati Joe u Michaela Giglio dehru għall-familjari taż-żewġ vittmi.