Thursday, August 28, 2025

Multa rekord ta’ €50 miljun lil Qantas għal tkeċċijiet illegali matul il-pandemija

Aqra wkoll

Il-kumpanija “Qantas” weħlet multa rekord ta’ A$90 miljun (€50,220,000) wara li l-Qorti Federali tal-Awstralja kkonkludiet li l-kumpanija kisret il-liġi meta keċċiet aktar minn 1,800 ħaddiem tal-ground handling lura fl-2020, fil-quċċata tal-COVID-19. Il-multa ġiet deskritta mill-imħallef bħala waħda maħsuba biex sservi ta’ “deterrent reali” għal min iħaddem. Qantas aċċettat il-multa u skużat ruħha formalment, b’dikjarazzjoni mill-Kap Eżekuttiv, Vanessa Hudson li ammettiet “ħsara reali” lill-impjegati affettwati.

Il-każ imur lura għad-deċiżjoni li jiġu outsourced l-operazzjonijiet ta’ fuq l-art bħala pass biex inaqqsu l-ispejjeż waqt li l-industrija tal-ajru kienet wieqfa. L-Unjin tal-Ħaddiema tat-Trasport laqgħet din is-sentenza u saħqet li din hija l-ikbar piena taħt l-Att tax-Xogħol Ġust kontra kumpanija Awstraljana għal ksur ta’ relazzjonijiet industrijali.

Deċiżjoni importanti

Din id-deċiżjoni hija meqjusa importanti ħafna għall-futur tad-drittijiet tal-ħaddiema kif ukoll għall-unjins madwar id-dinja fejn se sservi ta’ eżempju għal dawk li jħaddmu. F’dan il-każ naraw:

* Preċedent regolatorju: il-figura hija rekord u twassal messaġġ qawwi li “outsourcing ta’ kriżi” li jinjora l-protezzjonijiet legali ma jgħaddix mingħajr konsegwenzi;

* Rikonoxximent korporattiv fejn Qantas mhux biss se tħallas, iżda pubblikament ammettiet ħsara u skużat ruħha. Dan huwa fatt rari f’każijiet ta’ tkeċċijiet kollettivi; u

* Impatt fuq governanza u reputazzjoni: sentenza bħal din taffettwa d-djalogu ma’ unjins, il-fiduċja tal-pubbliku u r-relazzjoni mal-regolaturi tal-avjazzjoni u tal-xogħol.

Fi żmien il-pandemija l-ħaddiema batew

Tal-Qantas mhuwiex każ uniku ta’ tkeċċijiet fi żmien il-pandemija jew ta’ ksur ta’ regoli ta’ konsultazzjoni/ħarsien tal-impjieg. F’kuntest aktar usa’ naraw kif kumpaniji oħra għamlu l-istess fosthom il-P&O Ferries fir-Renju Unit. 

Fl-2022 din il-kumpanija keċċiet f’daqqa 800 baħri mingħajr konsultazzjoni. Il-Kap Eżekuttiv ammetta mal-kumitat tal-Parlament li kienet inkisret il-liġi. Dan il-każ kien qanqal reazzjonijiet qawwija, skrutinju regolatorju u riformi inkluż l-Seafarers’ Wages Act biex jissaħħaħ il-ħarsien tal-pagi. Aktar tard kien ħareġ ukoll skrutinju dwar pagi baxxi ta’ ħaddiema tal-aġenziji.

Bejn l-2020 u l-2021 kien hemm il-kumpanija Awswtaljana, id-“Deliveroo”, fejn deċiżjonijiet tal-Fair Work Commission sabu każi ta’ tkeċċija inġusta ta’ ħaddiema. Barra minnhekk, il-pandemija kienet laqtgħet setturi oħra globalment u magħhom lill-impjegati. Il-pandemija rat mewġa ta’ “right-sizing” u “outsourcing” b’riskji legali differenti skont il-ġurisdizzjoni. Dawn ivarjaw minn nuqqas ta’ notifika u konsultazzjoni sa abbuż ta’ arranġamenti ta’ aġenziji. Il-messaġġ minn każijiet magħrufa huwa li meta l-proċeduri u l-protezzjonijiet ma jiġux rispettati, ir-riskju finanzjarju u tar-reputazzjoni jiżdied b’mod esponenzjali.

Id-drittijiet tal-ħaddiema dejjem iridu jkunu rrispettati 

Fil-każ tal-Qantas naraw konsegwenzi u sinjali għall-ħaddiema. Huwa kkonfermat li anke fi kriżi min iħaddem irid josserva l-passi legali, li jkun hemm konsultazzjoni vera, avviż xieraq u evalwazzjoni ta’ impatti fuq gruppi vulnerabbli. L-idea żbaljata li “il-kriżi tiġġustifika kollox” hija żbaljata u d-deċiżjonijiet tal-Qorti jipprevalu.

Sentenzi bħal dawn isaħħu l-pożizzjoni tan-negozjar tal-unjins u jsaħħu l-argument għal ftehimiet ta’ salvagwardji minn outsourcing u tkeċċijiet. Barra minnhekk, il-ħaddiema għandhom ikollhom bieb miftuħ għal kumpens jew miżuri ta’ rimedju. L-iskop ta’ pieni għoljin huwa wkoll li jinkoraġġixxu ftehimiet prospettivi aktar responsabbli.

Din id-deċiżjoni mhux biss turi l-gravità ta’ ksur min-naħa tal-kumpanija iżda wkoll tibgħat messaġġ qawwi lill-korporazzjonijiet kollha li kull azzjoni ta’ tkeċċija jew outsourcing, anke fi żminijiet ta’ kriżi, trid tosserva strettament id-drittijiet tal-ħaddiema. 

Huwa minnu li l-ħsara finanzjarja u emozzjonali għall-ħaddiema affettwati tibqa’ sinifikanti. Dan anke jekk jasal kumpens wara t-tkeċċija. Iżda, sentenzi b’saħħithom bħal din mogħtija lil Qantas, jagħtu bażi aktar soda għal talbiet u standards aħjar fil-futur. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport