Tuesday, September 24, 2024

Multa ta’ €1,164 għal żagħżugħ li saq b’traskuraġni u talli weġġa’ lill-passiġġiera

Aqra wkoll

Żagħżugħ ta’ 25 sena mill-Imtarfa, ġie immultat €1,164 wara li tressaq il-Qorti, fejn kien akkużat li waqt li kien qiegħed isuq il-vettura, naqas milli jagħtii biżżejjed attenzjoni, bil-konsegwenza li baqa’ jsuq waqt li l-passiġġiera kienet ħierġa mill-karozza.

Thomas Spiteri, tressaq il-Qorti fejn kien mixli li lura fit-13 ta’ Ottubru ta’ sentejn ilu, fil-Furjana saq bi traskuraġni u kkaġuna ġrieħi gravi lil mara, li kienet passiġġiera fl-istess karozza miegħu.

Fil-Qorti, il-passiġġiera xehdet li hi kienet fil-karozza flimkien ma’ oħrajn u li x-xufier kien se jwassalhom sal-knisja. Qalet li f’ħin minnhom hekk kif kienet ħierġa mill-karozza, ix-xufier baqa jsuq u sabet ruħha mal-art u li minħabba l-istess waqgħa, damet ħames xhur rikoverata l-Isptar.

Xehdu wkoll l-passiġġieri l-oħra, li qalu li dak il-ħin li seħħ l-inċident u li hekk kif l-akkużat waqqfilhom biex jinżlu semgħu ħoss. Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, li pprosediet il-każ, qalet li mill-provi mressqa mix-xhieda, jdher biċ-ċar illi l-akkużat kien aljenat u li ma kienx attent biżżejjed waqt li kien qed isuq.

Il-Qorti sabet lill-akkużat ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u ġie mmultat €1,164. Barra minn hekk, il-Qorti skwalifikatlu l-liċenzja tas-sewqan għal 6 ġimgħat u naqqsitlu 8 punti.

Sport