Monday, November 11, 2024

Multa ta’ €3,000 għax saq b’veloċità eċċessiva u għadda minn toroq ‘one-way’

Aqra wkoll

Robert Fiteni ta’ 43 sena minn Ħaż-Żebbuġ ġie mmultat €3,000 hekk kif instab ħati li fl-1 ta’ Diċembru ta’ 2018 fi Triq Diċembru Tlettax fil-Marsa sab b’veloċità eċċessiva u għadda minn toroq ‘one-way’.

Ir-raġel ġie mixli wkoll li pprovaw jikkaġuna ġrieħi gravi fuq żewġ uffiċjali tal-Pulizija billi saq għal fuqhom, li ħebb għalihom jew irreżistihom, li heddidhom, li saq bla liċenzja ta’ sewqan u polza tal-assikurazzjoni u li għadda kontra s-sinjal li jindika li ma hemmx dħul.

Il-pulizija fix-xhieda tagħhom qalu li hu baqa’ ħiereġ minn fuq ‘stop sign’ għal fuqhom u saqu warajh. Huma qalu li minkejja li għamlulu diversi sinjali biex jieqaf hu xorta baqa’ jsuq sakemm irnexxilhom jgħalqulu t-triq.

Skont dak li xhedu l-uffiċjali tal-Pulizija kien f’dan il-mumeti li hu dawwar l-isteering għal fuqhom u kellhom jagħfsu l-brejk biex ma jaħbtux.

Min-naħa tiegħu Fiteni filwaqt li għażel li jixhed f’dawn il-proċeduri ċaħad dak kollu li qalu l-uffiċjali tal-pulizija.

Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo li quddiemha deher l-akkużat ma sabitx lir-raġel ħati li pprova jweġġa’ lill-uffiċjali tal-pulizija u anke li heddidhom. Hu ma nstabx ħati wkoll li rreżista l-arrest.

Iżda hu nstab ħati ta’ sewqan perikoluż u filwaqt li ġie mmultat €3,000 kellu l-liċenzja sospiża għal 18-il xahar.

Sport