Michael Leonard Paul Hammond ta’ 45 sena kellu s-sentenza kkonfermata fl-appell u b’hekk ġie kkundannat 6 xhur ħabs sospiżi għal 3 snin u multa ta’ €3,000 multa.
Hu kien instab ħati li fid-29 ta’ Awwissu tal-2022 kien għamel użu ħażin mill-mezzi tal-komunikazzjoni u insulta jew hedded persuni minħabba li kienu omosesswali.
Wara li kien tressaq il-Qorti, fis-7 ta’ Frar li għadda hu kien instab ħati tal-akkużi kontrih, iżda kien appella mis-sentenza minħabba li sostna li fil-profil tiegħu tal-Facebook dehret il-frażi “should bomb u all u freaks” l-istess profil kien ġie hacked. Hu sostna wkoll li ma kienx hemm data ta meta ttellgħet il-post u għalhekk ma kienx hemm provi ta’ meta ntqal dan il-kliem.
Kienet l-Imħallef Edwina Grima li semgħet l-appell fejn fis-sentenza tagħha qalet li fil-verità l-prosekuzzjoni naqset li turi meta dan il-post itella fuq il-midja soċjali, iżda qalet li r-rapport mil-LGBTI+Gozo sar lill-pulizija ftit minuti wara li tella’ dan l-istess post.
L-Imħallef qalet li ma tistax temmen il-verżjoni tal-akkużat li l-profil tiegħu kien iħħekjat u sostniet li kienet moralment konvinta li kien hu li kiteb il-frażi.