Raġel ta’ 62 sena residenti Ħaż-Żabbarġie ordnat isegwi trattament u kundannat multa ta’ €50 hekk kif ammetta li hedded u inġurja lil martu waqt argument li nqala’ dwar il-kelb tal-familja. Il-każ, li seħħ fl-24 ta’ Jannar li għadda, wassal ukoll għall-intervent tal-Pulizija u għal rikoveru temporanju tal-imputat fl-Isptar Monte Carmeli.
Il-Prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li l-argument beda meta l-kelb tal-koppja beda jigref il-bieb tad-dar. Dan wassal biex iqum argument bejn il-koppja. Waqt l-istess argument ir-raġel qal lil martu li “se jagħmel waħda minn tiegħu”. Aktar tard ir-raġel bagħat diversi messaġġi lil martu li kien se jweġġa’ lilu nnifsu.
Is-sitwazzjoni kompliet tiggrava meta l-imputat li skont il-Prosekuzzjoni kien qiegħed taħt l-influwenza tal-alkoħol ipprova jcempel għall-għajnuna fuq 179.
Iżda biż-żball ċempel il-ontrol room tal-Pulizija u waqt dik it-telefonata reġa’ tenna li kien se “jagħmel waħda minn tiegħu”, dikjarazzjoni li qanqlet tħassib immedjat għall-ħajtu u s-sigurtà tal-mara.
Il-Pulizija marru mill-ewwel fuq il-post fejn irriżulta li ħadd ma kellu xi ġrieħi. Madankollu, fid-dawl tal-istat emozzjonali u mentali tal-imputat, ittieħdet id-deċiżjoni li dan jiġi rikoverat għal ftit jiem fl-Isptar Monte Carmeli sabiex jingħata l-kura meħtieġa.
Quddiem il-Qorti, l-imputat ammetta l-akkużi miġjuba kontrih. Qal li kien se jibda jiġi segwit minn psikologu u psikjatra biex jindirizza l-problemi tiegħu. L-avukat difensur tiegħu, Yanika Barbara, qalet li l-każ ma kellux jitressaq permezz ta’ arrest u li kellu jiġi ttrattat bħala kwistjoni ta’ saħħa mentali aktar milli ta’ natura kriminali.
Il-Qorti, wara li rat l-ammissjoni tiegħu u ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, ordnat li r-raġel jitpoġġa taħt ordni ta’ trattament u mmultat €50. Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Colin Sheldon.

