Monday, November 4, 2024

Multa u probation għal raġel li hedded lill-eks kollegi b’sikkina

Aqra wkoll

Eks maniġer ta’ restorant fil-Gżira ġie mmultat u tpoġġa taħt probation wara li rritorna fl-istabbiliment fejn kien jaħdem u hedded lill-eks kollegi tiegħu b’sikkina.

Pierre Walton ta’ 53 sena u residenti l-Gżira, tressaq quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi fejn ammetta li hu ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Il-każ seħħ fil-5 ta’ Awwissu. Waqt il-ħin tal-allegat reat, huwa kellu fil-pussess tiegħu żewġt iskieken tal-ħobż, skont id-deskrizzjoni mogħtija mill-avukati tiegħu stess.

Il-Qorti semgħet kif Walton tkeċċa mix-xogħol minħabba mġiba negattiva fuq il-post tax-xogħol, fejn l-imputat kien daħal għax-xogħol xurban. Ingħad ukoll li l-imputat telaq lura d-dar, ħa żewġt iskieken u qal lil oħtu li kien sejjer joqtol lill-eks imgħallem.

Huwa mifhum li oħt Walton immedjatament infurmat lill-pulizija b’din l-informazzjoni u rnexxielhom jarrestawh fir-restorant.

L-Ispettur Jonathan Ransley akkużah li ħoloq biża’ ta’ vjolenza fost l-eks kollegi, li kien fil-pussess ta’ żewġt iskieken fil-pubbliku mingħajr permess, li kiser il-paċi pubblika, li kien fis-sakra f’post pubbliku u li insulta u hedded lil terzi persuni.

Huwa wieġeb ħati ta’ dawn l-akkużi.

Il-Qorti, qabel ma ġiet biex tagħti s-sentenza, ikkunsidrat il-fatt li l-imputat ammetta l-ħtija sa minn kmieni u l-fatt li kellu kondotta nadifa. Huwa weħel €200 multa u probation għal tliet snin. Ingħatat ukoll ordni ta’ protezzjoni għall-ħaddiema u d-diretturi tar-restorant.

L-Avukati Alfred Abela u Rene Darmanin dehru għal Walton.

Sport