Monday, April 7, 2025

Multi akbar għal dħul ta’ minorenni f’assoċjazzjonijiet tal-kannabis

Diskussi l-emendi fil-liġi tar-riforma dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis

Aqra wkoll

Permezz ta’ tibdil propost fil-liġi, il-multa assoċjata mad-dħul ta’ minorenni f’postijiet tal-assoċjazzjonijiet liċenzjati għat-tqassim tal-kannabis se tiġi miżjuda sabiex tirrifletti l-fatt li dan huwa abbuż serju. Fil-fatt, l-ogħla multi applikabbli għal dan ir-reat bi ksur tal-provvediment se jiżdiedu għal €10,000. Din hija konferma ċara ta’ kemm dan il-Gvern irid tassew jissalvagwardja lill-minuri.

Stqarret dan is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg fil-Parlament hekk kif bdew jiġu diskussi l-emendi fil-liġi tar-riforma dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis. Emendi li fost oħrajn se jagħtu definizzjoni aktar ċara u b’hekk titneħħa ambigwità legali, jissaħħu ċertu aspetti tal-liġi, fejn hemm bżonn ikunu proposti multi aktar ħorox filwaqt li se jitwessgħu l-elementi ta’ prevenzjoni.

Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg spjegat li fl-emendi tal-2021 ġiet użata l-kelma “cannabinoid” minflok “cannabidiol (CBD)”. Dan il-lingwaġġ ta lok sabiex ġew introdotti fis-suq prodotti tal-kannabis sintetiċi u semi-sintetiċi. Dan it-tibdil ser jimxi pari passu mad-deċiżjoni Kannavape tas-CJEU li tikkonferma li s-CBD (cannabidiol) mhux droga u ma għandiex effetti psikoattivi.

L-emendi jiddistingwu bejn fitokannabinojdi naturali li ma jħallux effett psikoattiv u kannabinojdi psikoattivi sabiex b’hekk jiġi evitat kwalunkwe lok għal miżinterpretazzjoni dwar fjuri CBD. Fil-preżent, il-Pulizija tqis il-fjura tal-CBD bħala droga narkotika, filwaqt li argumenti legali alternattivi jissuġġerixxu li, jekk fiha inqas minn 0.2% THC, għandha titqies bħala prodott legali bħal żejt, shampoo jew creams tal-CBD.

Għalhekk kien hemm bżonn ta’ kjarifika legali biex tiġi evitata ambigwità u tkun assigurata interpretazzjoni uniformi mill-awtoritajiet u l-Qrati.

L-emendi jirriflettu wkoll d-deċiżjoni tal-Conseil d’État ta’ Franza fl-2022, li annulla ordni li kien ħareġ il-Gvern Franċiż fejn impona projibizzjoni ta’ fjuri tal-kannabis b’livell baxx ta’ THC, u b’hekk tali Qorti Ammisitrattiva irrikonoxxiet l-istatus tas-CBD bħala element li m’għandux ikun meqjus bħala droga narkotika.

Permezz ta’ dawn l-emendi l-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC) se tkun tista’ tinforma lill-Ministru responsabbli sabiex jirregola sustanzi tal-kannabis psikoattivi ġodda b’mod spedit li jirrifletti r-realtajiet tal-ġurnata, u dan permezz ta’ Avviż Legali. Il-ħsieb hu sabiex il-lista ta’ sustanzi dejjem tkun aġġornata u tiggwida l-awtoritajiet fil-ħidma tagħhom.

Fil-fatt l-emendi joħolqu, apparti li jiddefinixxu x’inhuma ‘fitokannabinojdi mhux psikoattivi’ u x’inhuma ‘kannabinojdi psikoattivi’, jaħsbu għal skedi sabiex jidentifikaw b’mod ċar u konkret x’għandu jiġi klassifikat taħt tali definizzjonijiet.

Kif propost fl-Abbozz ta’ Liġi qed jiġi ċċarat li r-regolamenti speċifiċi introdotti permezz ta’ din il-leġislazzjoni għandhom jieħdu preċedenza fuq dawk tal-liġi dwar għaqdiet volontarji, għaliex ir-regolamenti ntrodotti huma iżjed stretti u onerużi, speċjalment sabiex jiġi żgurat li l-flus iġġenerat mill-assoċjazzjonijiet ma jiġux mittieħda mill-amministraturi.

Fost tibdil ieħor propost hemm li d-distanza ta’ 250 metru li trid tinżamm mill-iskejjel se tkun applikabbli mill-entratura minflok mill-perimetru kollu sabiex tiġi ffaċilitata l- implimentazzjoni tal-liġi.

Postijiet ta’ assoċjazzjonijiet tal-kannabis iridu jkunu wkoll 250 metru ’l bogħod minn faċilitajiet sportivi, għaliex dawn jiġu spiss frekwentati miż-żgħażagħ u s’issa l-liġi viġenti ma tagħmilx referenza speċifika għal tali faċilitajiet sportivi. Dan ser isir sabiex jiddaħħal element aktar b’saħħtu ta’ deterrent.

L-ARUC se tiddetermina l-ammont ta’ kannabis li jista jinżamm minn assoċjazzjonijiet skond in-numru ta’ membri u d-domanda.

Qed jiġu miżjuda wkoll il-multi applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet tar-regolamenti  li issa jistgħu jammontaw għal massimu ta’ €50,000 (minflok €10,000) jew id-doppju tar-rikavat illeġittimu. Din tal-aħħar ikun applikabbli f’każ ta’ bejgħ jew diverżjoni tal-qligħ favur l-amministraturi.

Offiżi minn assoċjazzjonijiet jew amministraturi se jiġu prosekwiti quddiem il-Qorti tal-Maġistrati minflok Kummissarju tal-Ġustizzja, u dan minħabba n-natura serja tas-settur kif ukoll minħabba konsiderazzjonijiet legali oħrajn.

L-individwi akkużati jistgħu jaqblu li jħallsu multa u jevitaw il-prosekuzzjoni legali, b’hekk ikun qed jitnaqqas il-piż fuq il-qrati.

Dawn l-emendi se jipprovdu wkoll sabiex jekk tinħass il-ħtieġa, l-ARUC tkun tista’ sservi ta’ one stop shop għal kull forma ta’ infurzar relatat mal-kannabis, eskluż kannabis għall-użu mediku li se tibqa’ esklussivament taħt il-kompetenza tal-Awtorità Maltija għall-Mediċini.

Emendi li jsaħħu l-funzjoni tal-ARUC f’dan is-settur

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard semma kif b’dawn l-emendi, l-ARUC bħala regolatur primarju, se jkollha l-funzjoni tagħha aktar imsaħħa f’dan is-settur. Qal li r-riforma se tippermetti lill-ARUC issaħħaħ l-għodda li tissorvelja l-infurzar kollu relatat ma’ dan is-settur tal-kannabis, b’eċċezzjoni għal dak li huwa kannabis għall-użu mediku.

“Dan il-Gvern, għal darba oħra, anke b’din il-leġiżlazzjoni qed jibgħat messaġġ kemm huwa Gvern katalist, ta’ riforma oħra li taġġorna l-qafas leġiżlattiv mar-realtajiet tal-ġurnata,” tenna l-Ministru Attard. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport