“It-Tlieta 29 ta’ Lulju ħabbart id-deċiżjoni tal-Gvern li pajjiżna se jirrikonoxxi l-Istat tal-Palestina f’Settembru li ġej waqt l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda. Il-Gvern qed iħabbar din id-deċiżjoni issa għaliex iddetermina li dan huwa l-mument opportun biex ikollu l-akbar effett possibbli favur il-mixja lejn is-soluzzjoni taż-żewġ stati.”
Stqarr dan il-Prim Ministru Robert Abela fi stqarrija ministerjali fil-Parlament. Huwa qal li Malta ngħaqdet ma’ grupp ta’ stati oħra li diġà ħabbru l-intenzjoni tagħhom li jirrikonoxxu l-Istat tal-Palestina f’Settembru fosthom Franza u r-Renju Unit.
Dr Abela żied jgħid li talab lid-Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg biex isegwi l-proċess formali kemm mil-lat istituzzjonali fi ħdan il-Gvern Malti u anke skont il-prattiċi diplomatiċi. Dan bil-għan li kollox ikun imħejji qabel iħabbar din id-deċiżjoni b’mod uffiċjali f’Settembru li ġej fil-Kwartieri tan-Nazzjonijiet Magħquda.
“Id-dinja kollha tinsab ixxukkjata dwar is-sitwazzjoni umanitarja f’Gaża fejn qed naraw l-imwiet ta’ eluf ta’ Palestinjani kawża tal-ġuħ u t-tbatijiet imposti fuqhom. Is-sitwazzjoni f’Gaża ma tistax titħalla tippersisti.
“Nittama li dan l-isforz kollettiv mill-komunità internazzjonali, li Malta tifforma parti minnha, iwassal għall-waqfien mill-ġlied bil-għan li tinbena l-paċi għall-ġid taż-żewġ popli msejsa fuq is-sigurtà u l-prosperità,” tenna l-Prim Ministru.
Huwa qal li l-paċi tista’ tkun milħuqa biss jinħolqu ċirkostanzi biex jinbdew in-negozjati bejn l-awtoritajiet Palestinjani u l-Gvern ta’ Iżrael. Qal li bħala stat membru tan-Nazzjonijiet Magħquda nemmnu bis-sħiħ li ebda bniedem m’għandu jitħalla jgħix fil-ġuħ, fl-għaks jew fil-biża’.
Il-Prim Ministru kompla jgħid li “se nkomplu nisħqu biex l-ostaġġi vittmi tal-attakki brutali tas-7 t’Ottubru 2023 jinħelsu kollha kemm huma, l-għajnuna umanitarja tidħol bla xkiel f’Gaża u jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tiġi stabbilita l-paċi.”
Dr Abela sostna wkoll li Malta aġixxiet bil-fatti u ta eżempju ċar fejn “konna dak il-pajjiż li lqajna tfal u familji li sofrew l-atroċitajiet ta’ din il-gwerra. Offrejnielhom l-aqwa kura medika possibbli. Tkellimna mal-familji ta’ qraba li sal-lum miżmuma ostaġġi mill-Ħamas. Tifhem il-kuntest ta’ dak kollu li għaddej fil-Lvant Nofsani.”
Il-Prim Ministru temm jgħid li jinsab sodisfatt li kif kellu l-okkażjoni jistqarr qabel se jkun Gvern immexxi minnu li jieħu pass siewi li jirrikonoxxi l-Istat tal-Palestina bil-għan li anke f’din il-kwistjoni, Malta tkompli tagħti kontribut għaqli lejn il-paċi u d-djalogu fil-Lvant Nofsani.
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li jilqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li l-Gvern qiegħed jaċċetta li jirrikonoxxi l-Istat Palestinjan f’isem l-Istat Malti. “Għalkemm tard, huwa tajjeb,” qal Dr Grech. Huwa reġa’ appella lill-Prim Ministru biex jirrikonoxxi l-Istat Palestinjan illum qabel għada u ma jistenniex għal Settembru biex dan isir.