Wara li f’Diċembru li għadda, għaddiet mill-Parlament ir-riżoluzzjoni kif imressqa mill-Gvern biex jiġi emendat il-kuntratt tal-bini tal-Workers’ Memorial Building, illejla ġie ffirmat dan il-kuntratt f’ċerimonja li saret f’din l-istess binja, id-Dar Naturali tal-Ħaddiem.
L-imsemmija riżoluzzjoni kienet sabet l-appoġġ tal-Membri Parlamentari tal-Gvern iżda mhux tad-Deputati tal-Oppożizzjoni li kienu vvutaw kontra. Il-vot finali kien ittieħed fis-16 ta’ Diċembru 2024, bir-riżoluzzjoni eventwalment tgħaddi b’41 vot favur u 33 vot kontra.
Dan it-tibdil fil-kuntratt qed isir wara li s-sena li għaddiet nqatgħet il-kawża li stabbiliet li l-GWU kellha tibqa’ topera minn din il-binja fil-Belt Valletta. Wara s-sentenza tal-Qorti dwar kawża li kien fetaħ il-Partit Nazzjonalista, il-GWU kienet talbet lill-Gvern biex jemenda l-kuntratt, bi prezz stabbilit u skont il-prattiċi stabbiliti filwaqt li l-union għarfet li issa kellha tħallas lill-Istat fi ħlasijiet għall-kiri tal-imgħoddi.
Il-Gvern kien ressaq emenda għall-Att tal-1957 biex il-GWU tkun tista’ tkompli tissulloka ż-żoni delineati tal-WMB mingħajr ir-restrizzjoni preċedenti. Għalhekk il-GWU se tħallas kważi €2 miljuni lill-Istat biex tinħeles minn parti minn din il-kundizzjoni. Ċifra li tirriżulta mill-valutazzjoni ta’ perit indipendenti fuq il-valur ta’ proprjetà mmobbli u kirjiet tal-passat.
Il-maġġoranza tal-bini, li issa huwa wkoll legalment delineat, se jkun għall-użu esklussiv tal-membri tal-union, 3,800 metru kwadru ta’ spazju għall-uffiċċji li għandu jintuża mill-GWU biss għall-attivitajiet trejdunjonistiċi.
L-iffirmar ta’ dan il-kuntratt kif emendat sar fil-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi.
“Għalina l-ħaddiem jiġi l-ewwel u qabel kollox” – il-Prim Ministru Robert Abela

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru fisser l-okkażjoni tal-lum bħala ċelebrazzjoni tal-ħaddiem. “Illum qed nagħtu l-iprem eżempju ta’ kif għalina l-ħaddiem jiġi l-ewwel u qabel kollox,” qal il-Prim Ministru.
Huwa stqarr li jinsab kuntent li din il-binja se tibqa’ sservi ta’ tant u tant diskussjonijiet ta’ ftehimiet kollettivi biex id-drittijiet tal-ħaddiema jibqgħu jissaħħu.
“Nawguraw aktar ħidma biex il-GWU tibqa’ tfassal ġejjieni mill-isbaħ għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin kollha,” temm jgħid il-Prim Ministru.
“Suċċess li ksibna lkoll flimkien” – Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali tal-GWU

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja qal li lkoll flimkien wasalna għal din il-ġurnata storika fejn qed niddefenixxu l-futur tal-GWU. Qal li dak li qed niċċelebraw huwa mument kruċjali u sinifikanti fl-istorja tal-GWU u tal-moviment tal-ħaddiema. “Suċċess li ksibna lkoll flimkien.”
“Din l-okkażjoni mhix biss avveniment formali imma hija xhieda tar-reżiljenza kollettiva tagħna, tal-għaqda u l-impenn sħiħ ta’ kull uffiċjal lejn kull ħaddiem ta’ pajjiżna. Dan huwa s-suċċess tagħna lkoll. Dan hu l-mument fejn qed innaqqxu isimna fl-istorja tal-akbar trade union fil-pajjiż,” qal is-Sur Bugeja.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU tenna li din il-binja hi monument u simbolu tal-impenn tagħhom lejn il-ħaddiema kollha – id-Dar Naturali tal-Ħaddiem. Qal li minn meta dan is-sit ġie mogħti lilhom fl-1957, il-mafkar tal-ħaddiem – il-Workers’ Memorial Building serva bħala simbolu tad-dedikazzjoni dejjiema tagħhom lejn id-dinja tax-xogħol u s-soċjetà Maltija.
“Filwaqt li l-valuri u l-prinċipji għadhom l-istess, il-bżonnijiet tagħna nbidlu. Il-kundizzjonijiet oriġinali kienu qed jillimitaw il-kapaċità tagħna li nkomplu nikbru u nespandu s-servizzi u l-appoġġ li nagħtu lill-membri tagħna u lill-ħaddiema,” żied jgħid is-Sur Bugeja.
Tenna li meta snin ilu għarfu dawn l-isfidi, inbeda vjaġġ biex flimkien iwessgħu l-kundizzjonijiet tal-użu. “Dan l-isforz kien twil, rigoruż u żgur mhux faċli. Kien biss grazzi għad-determinazzjoni u għall-isforz kbir minna lkoll u l-kollaborazzjoni u l-appoġġ ta’ bosta individwi li stajna naslu.”
Is-Sur Bugeja qal li l-appoġġ tal-Prim Ministru, l-Onor. Ministru u Ministri kien essenzjali u strumentali biex titressaq il-mozzjoni u tiġi approvata quddiem il-Parlament.
Semma wkoll l-appoġġ u l-ħidma tal-amministrazzjoni ċentrali tal-union, tas-segretarji, tal-assistenti segretarji, tal-membri tal-kunsilli, tal-ħaddiema, l-avukati, in-nutara u l-awdituri tagħhom, kif ukoll ir-rappreżentanti u l-membri li huma l-qalb u r-ruħ tal-GWU.
L-appoġġ ukoll tal-membri parlamentari tal-Gvern Laburista li b’vot favur approvaw din ir-riżoluzzjoni biex jiġi emendat il-kuntratt oriġinali flimkien mal-appoġġ tal-Awtorità tal-Artijiet fejn il-ħidma tal-uffiċjali ta’ din l-entità kien xempju ta’ bżulija u professonalità tal-amministrazzjoni pubblka.
Is-Sur Bugeja tenna jgħid li din il-bidla mhix biss emenda fil-kuntratt legali, iżda hija bidla fejn qed ikun assigurat il-futur tal-GWU u l-futur ta’ dan il-mafkar maestuż tal-ħaddiem. “Futur li fih se nkunu nistgħu ntejbu s-servizzi tagħna, nipprovdu appoġġ akbar, aħjar u aktar konsistenti lill-membri tagħna, u ninvestu f’inizjattivi li jippromwovu d-drittijiet u l-progress tal-ħaddiema. Fl-2018 it-tema tal-Kungress Nazzjonali Straordinarju kienet ‘Il-futur huwa issa’ – illum, ħloqna dak il-futur, illum dik il-viżjoni qed issir realtà.”
“Flimkien b’għaqda u determinazzjoni, qed niżguraw li l-GWU tibqa’ forza ewlenija fil-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema u l-mafkar tal-ħaddiem jibqa’ d-dar naturali tagħna u tal-ħaddiema kollha. Huwa privileġġ u unur kbir għalija li qed iniżżel ismi fl-istorja glorjuża ta’ din l-union.”
“Grazzi lill-Prim Ministru, Ministru, Membri Parlamentari u lil kull min kellu sehem f’din il-kisba.
“Grazzi lill-amministrazzjoni, Segretarji, Assistenti Segretarji, uffiċjali u l-ħaddiema għall-impenn, id-dedikazzjoni u l-fiduċja kontinwa.
“Dan is-suċċess, din il-kisba, dan il-pass huwa tagħna lkoll.
“Id-Dar Tagħna, id-Dar tal-Ħaddiem!”, temm jgħid is-Segretarju Ġenerali tal-GWU.
“Il-GWU, sa mit-twaqqif tagħha kienet fuq quddiem nett fil-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiem – il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, jemmen fit-tisħiħ tal-ħidma trejdunjonistika f’pajjiżna. Dan il-ftehim kien possibbli grazzi għall-ħidma tal-Awtorità tal-Artijiet biex tinstab soluzzjoni ġusta u adegwata.
“Il-GWU, sa mit-twaqqif tagħha kienet fuq quddiem nett fil-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema. Hija parti mill-istorja tal-avvanz soċjali f’pajjiżna. L-iffirmar ta’ dan il-kuntratt jikkonferma l-pożizzjoni tal-gvern li GWU għandha tibqa’ taħdem għall-ġid tal-ħaddiema mill-Workers Memorial Building bl-aħjar riżorsi biex jibqa’ jissaħħah il-moviment trejdunjonistiku ta’ pajjiżna” qal il-Ministru Zrinzo Azzopardi.