Sunday, March 1, 2026

“Mument storiku u deċiżiv għall-futur ta’ nazzjon”- Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali tal-GWU

Aqra wkoll

“Il-Malta Vision 2050 hija inizjattiva strateġika kruċjali u assolutament meħtieġa għal pajjiżna. F’mument fejn Malta qiegħda tiffaċċja sfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali dejjem aktar kumplessi, ma nistgħux nibqgħu naħsbu fuq medda qasira ta’ żmien. Din il-viżjoni tirrappreżenta pass matur u responsabbli lejn ippjanar fit-tul għall-ġenerazzjonijiet futuri, ibbażat fuq direzzjoni ċara u għanijiet konkreti għall-kwalità ta’ ħajja mill-aqwa”.

Iddikjara dan is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU), Josef Bugeja fl-okkażjoni tat-tnedija tal-Malta Vision 2050 nhar il-Ġimgħa li għadda. Bugeja sostna kif għall-ewwel darba f’Malta qegħdin nitkellmu b’mod strutturat dwar qafas nazzjonali komprensiv li jħares lil hinn minn leġislatura waħda. Viżjoni li qiegħda tistabbilixxi direzzjoni strateġika ċara dwar fejn irridu naslu bħala pajjiż sal-2050. Dan mhux biss eżerċizzju politiku, iżda opportunità storika biex nibnu kunsens nazzjonali dwar il-futur ta’ Malta u l-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Żvilupp ekonomiku li jwassal għal titjib fil-kwalità tal-ħajja tan-nies

Joseg Bugeja speċifika li, “il-General Workers’ Union dejjem saħqet dwar il-ħtieġa ta’ viżjoni nazzjonali. Viżjoni li nemmnu għandha tkun mibnija fuq prinċipju fundamentali, li l-iżvilupp ekonomiku jwassal biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies. Tkabbir ekonomiku mingħajr ġustizzja soċjali, mingħajr investiment fil-ħaddiema u fil-komunitajiet u mingħajr sostenibbiltà ambjentali ma jistax ikun mudell sostenibbli fit-tul”.

Elabora li l-Viżjoni 2050 titkellem dwar tkabbir ekonomiku sostenibbli, servizzi ċċentrati fuq iċ-ċittadin, reżiljenza u użu għaqli tal-art u l-baħar. Dawn huma pilastri importanti biex verament il-ħaddiem ikun fiċ-ċentru ta’ din it-trasformazzjoni. 

“Għal xogħol ta’ valur miżjud għoli rridu ninvestu fil-ħiliet u l-kompetenzi tal-ħaddiema. Dan ifisser sistema edukattiva u ta’ taħriġ li tkun allinjata mal-bżonnijiet futuri tal-pajjiż, inkluż it-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika. Iżda dan ma jistax isir fuq dahar il-ħaddiema. Irid ikun hemm pjan ċar ta’ just transition li jipproteġi lill-ħaddiema f’setturi li jistgħu jiġu affettwati minn bidliet strutturali, u li joffri opportunitajiet reali ta’ taħriġ, re-skilling u karrieri,” enfasizza s-Segretarju Ġenerali tal-GWU.

Kompla li, “it-tieni nett, meta nitkellmu fuq kwalità tal-ħajja, ma nistgħux ninjoraw il-kwistjoni ta’ xogħol dinjituż u pagi xierqa. Viżjoni 2050 tinkludi impenn konkret biex innaqqsu l-inugwaljanzi u nsaħħu d-dħul tal-ħaddiema. Il-GWU dejjem emmnet li produttività ogħla trid tkun akkumpanjata minn tqassim aktar ġust tal-ġid kollettiv. Jekk il-ħaddiema ma jħossux il-frott tat-tkabbir, il-mudell jitlef il-leġittimità soċjali tiegħu.”

Implimentazzjoni, monitoraġġ u kejl

Aspett ieħor kruċjali li semma’ Bugeja hija l-governanza. “Viżjoni nazzjonali ma tistax tibqa’ dokument sabiħ fuq l-ixkaffa. Implimentazzjoni, mekkaniżmi ta’ monitoraġġ ċari, indikaturi li jitkejlu u fuq kollox, involviment strutturat tas-sħab soċjali. Il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) għandu jkollu rwol ċentrali fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-progress. Id-djalogu soċjali huwa għodda biex jinstabu soluzzjonijiet ibbażati fuq kunsens u responsabbiltà kondiviża”.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU jara li l-Viżjoni 2050 tindirizza b’mod serju l-isfidi demografiċi u tas-suq tax-xogħol. “Il-pajjiż qiegħed jesperjenza bidliet mgħaġġla fil-kompożizzjoni tal-forza tax-xogħol, inkluż żieda fil-ħaddiema barranin. Il-vizjoni tinkludi politika ċara ta’ integrazzjoni, protezzjoni tad-drittijiet u infurzar effettiv tal-liġijiet tax-xogħol. Ekonomija kompetittiva ma tistax tkun ibbażata fuq sfruttament jew kompetizzjoni inġusta bejn il-ħaddiema”.

Huwa qal li ma nistgħux ninsew lanqas il-kwistjoni tal-ambjent u l-ippjanar. Għalih, l-użu għaqli tal-art u tal-baħar għandu jkun aktar minn slogan. “Il-ħaddiema u l-familji tagħhom tal-lum u tal-futur għandhom dritt għal ambjent san, spazji miftuħa u infrastruttura li ttejjeb il-ħajja ta’ kuljum. Żvilupp bla kontroll iwassal għal pressjonijiet soċjali u ambjentali li fl-aħħar mill-aħħar iħallsu għalihom l-istess ċittadini”.

Opportunità għal kunsens nazzjonali

Il-GWU f’Viżjoni Malta 2050 tara opportunità biex nibnu kunsens nazzjonali ġdid dwar it-tip ta’ pajjiż li rridu. “Iżda, kunsens ma jfissirx li kulħadd jaqbel ma’ kollox; ifisser li jkun hemm spazju reali għad-diskussjoni, għat-tibdil u għall-korrezzjoni tal-kors meta jkun meħtieġ. Fl-aħħar mill-aħħar, is-suċċess ta’ din il-Viżjoni se jitkejjel mhux biss b’figuri ta’ tkabbir jew klassifiki internazzjonali, iżda b’kemm il-ħaddiema u l-familji tagħhom iħossuhom aktar siguri, rispettati u parti minn proġett komuni. Jekk sal-2050 ikollna ekonomija aktar b’saħħitha, soċjetà aktar ġusta u ambjent aktar protett, inkunu tassew għamilna differenza fil-ħajja tan-nies. Inkunu ħloqna pajjiż modern, innovattiv u ambizzjuż. Nazzjon ġust, inklużiv u solidali. Nazzjon li jpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru”.  

Min-naħa tiegħu Bugeja fakkar li l-GWU hija lesta li tagħti s-sehem tagħha b’mod kostruttiv iżda wkoll kritiku fejn ikun hemm bżonn. “Dan għax viżjoni vera ma tinbenix bil-kliem biss, iżda b’impenn kollettiv, kuraġġ u rieda politika li tpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tal-iżvilupp. Viżjoni Malta 2050 hija vizjoni ta’ kwalità, viżjoni ta’ nazzjon,” temm is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport