Thursday, December 26, 2024

Mutur imwaqqaf minħabba ħsejjes eċċessivi fost kontravenzjonijiet waqt kontrolli mill-Pulizija

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt kontrolli li saru fit-toroq matul tmiem din il-ġimgħa mill-Pulizija tad-Distrett taż-Żejtun, assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit u mill-Forzi Armati ta’ Malta, instabu 4 persuni li kienu qed isuqu taħt l-effett tal-alkohol, filwaqt li persuna oħra rrifjutat li tagħmel it-test tal- kampjun tan-nifs, fost kontravvenzjonijiet oħra.

Matul il-lejl li għadda wkoll ġewwa tas-Sliema, membri tar-Reat Maġġuri flimkien mal-Pulizija tad-Distrett ta’ Tas-Sliema waqqfu vettura li kienet qed tinstaq mingħajr liċenzja tas-sewqan, mingħajr assigurazzjoni, mingħajr waħda mill-pjanċi tar-reġistrazzjoni u kienet qed tiġi misjuqa bi klampi mwaħħlin mar-roti. Fuq waħda mill-passiġġieri li kienu f’din il-vettura nstabet ukoll sustanza suspettata kokaina. Iktar stħarriġ b’rabta ma’ dan il-każ qed isir mill- Pulizija tad-Distrett.

Iżjed spezzjonijiet issuktaw dalgħodu mill-Pulizija tat-Traffiku assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit u tal-MT Garage flimkien ma’ Transport Malta ġewwa Triq il-Kosta, Baħar iċ-Ċagħaq, fejn inħarġu mal-40 kontravenzjoni. Għaxra minn dawn il-kontravenzjonijiet ingħataw waqt kontrolli li saru b’apparat li jkejjel ħsejjes eċċessivi tal-vetturi, fejn l-ogħla livell ta’ ħoss reġistrat kien dak ta’ 128db minn mutur, meta l-limitu preskritt bil-liġi huwa dak ta’ 119db. Il-kontravenzjonijiet l-oħra kienu jinkludu fost oħrajn, nuqqas tal-użu tas-seatbelt, vetturi mingħajr liċenzja u vetturi mingħajr pjanċa tar-reġistrazzjoni.

Ekonomija

Sport