Kif toħloq mużika mingħajr strumenti? Fi Frar li ġej, it-Teatru Manoel se jkun qiegħed jilqa’ prestazzjoni innovattiva u bla precedent li fiha se jieħdu sehem grupp ta’ żeffiena Griegi u Taljani akkumpanjati minn żewġ kantanti Maltin, u li se jkunu qegħdin joħolqu l-mużika mingħajr strumenti. Bodyterranean hija spettaklu ta’ żfin dinamiku, fejn l-attenzjoni prinċipali hija r-ritmu u l-moviment.
Maħluqa minn Simone Mongelli, artist Taljan ibbażat ġewwa l-Greċja, Bodyterranean hija spettaklu uniku ta’ żfin u mużika li fih iħaddan il-kultura u l-ġisem Mediterranju. Din il-prestazzjoni tagħmel dan billi tikkonċentra fuq l-istrument mużikali l-aktar primordjali: il-ġisem uman innifsu. Mongelli huwa etnomużikologu, jiġifieri persuna li tistudja l-mużika fl-isfond soċjali u kulturali speċifiku tagħha, u ilu interessat fil-mużika Maltija bħala parti mill-kultura wiesgħa Mediterranja għal diversi snin. Tant hu hekk li r-riċerka tal-Masters tiegħu hija dwar l-għana tradizzjonali Malti, b’mod partikolari l-istil tal-għana spirtu pront.
Bit-tiżwiġ bejn għanjiet tradizzjonali Griegi u oħrajn mill-Italja t’isfel, flimkien mal-perkussjoni u l-koreografija hekk kif imsarrfa mill-ġisem, dan il-grupp se jkun qiegħed juża biss il-ġisem u l-leħen għall-ħolqien tal-mużika fl-isfond tal-għanjiet. ‘‘Nistgħu nidentifikaw żewġ elementi ewlenin f’dan il-proġett,’’ jispjega Mongelli. ‘‘Minn banda hemm ir-riċerka tiegħi dwar it-tradizzjoni, dwar it-temi universali li jolqtu lin-nies kullimkien fid-dinja, u l-istess ħtieġa li dawn jirrakkontaw l-istejjer tagħhom sabiex jesprimu ruħhom. U min-naħa l-oħra hemm l-isfida tal-użu esklussiv ta’ strument mużikali wieħed, u wieħed ferm partikolari: il-ġisem.’’
Bodyterranean ħadet il-ħajja bħala studio album lura fl-2016, biss ma damitx ma ttrasferiet ruħha għal fuq il-palk; il-post fejn Mongelli jemmen li għandu jkun proġett bħal dan, ‘‘għax il-mużika tal-ġisem hija xi ħaġa li għandha kemm tinstema’, kif ukoll tintwera, ladarba din tkopri lat performattiv u koreografiku u tinħtieġ l-enerġija li tiġi minn spettaklu live u l-interazzjoni mal-udjenza.’’ Simone Mongelli u l-kast ta’ Bodyterranean tellgħu dan ix-xow ġewwa l-Greċja, l-Italja, u Ċipru, u jinsabu ħerqanin li se jkunu qegħdin iġibu dan l-ispettaklu f’Malta wkoll, għall-ewwel darba. ‘‘Jien ġejt Malta kemm-il darba, u ħabbejt kull waqt kull darba li ġejt,’’ jgħidilna Mongelli. ‘‘Ċert li l-esperjenza li jmiss se tkun waħda pożittiva!’’
‘‘Nittama li f’Malta noħolqu l-istess sentiment emottiv li esperjenzajna kull darba li tlajna fuq palk u tajna l-prestazzjoni tagħna: livell speċjali ta’ komunikazzjoni u qrubija mal-udjenza li tinbena bis-saħħa ta’ dan l-iskambju speċjali bejn ġisem u ġisem,’’ jistqarr Mongelli. ‘‘M’hemmx esperjenza li tisboq l-esperjenza li fiha tħoss lil ġismek jivvibra b’rispons għal ġisem ieħor li jkun qed jiċċaqlaq u jipproduċi l-ħoss.’’
Il-grupp teatrali ta’ żeffiena, imseħbin mal-kantanti lokali Doreen Galea u Mariele Żammit, se jkunu qegħdin jirrakkontaw stejjer li jittrattaw il-ferħ u n-niket, l-imħabba, it-turufnament, il-maternità, u d-diversità; stejjer li jistgħu jintgħarfu u jinftehmu minn nies li ġejjin minn kultura u sfond soċjali differenti. Imneżżgħin minn kollox, għajr il-fokus fuq il-forma pura tal-ġisem u l-leħen, l-għanjiet f’din il-wirja artistika jirrakkontaw stejjer li jxejnu d-differenzi u li jitkarrbu għall-ugwaljanza u l-paċi. Simone Mongelli jwiegħed ukoll li se jkun hemm xi sorpriżi addizzjonali mar-repertorju u li żgur se jkunu qegħdin ipaxxu l-udjenzi lokali.
Bodyterranean se tittella’ nhar is-Sibt, 7 ta’ Frar, u l-Ħadd, 8 ta’ Frar, fis-19:30. Il-biljetti jistgħu jinxtraw minn fuq is-sit elettroniku: https://teatrumanoel.mt/event/bodyterranean/ jew billi ċċempel lil Box Office tat-Teatru Manoel fuq in-numru: (+356) 21246389.

