Festivals Malta tħabbar li Mużika Mużika għall-ewwel darba fl-istorja tiegħu, ser ikun qed jixxandar fuq erba’ stazzjonijiet televiżivi lokali.
Din l-inizjattiva qed issir wara sejħa għall-interess li Festivals Malta għamlet lill-istazzjonijiet televiżivi prinċipali kollha sabiex ixandru l-festival, bis-sejħa tintlaqa’ b’mod mill-aktar pożittiv mill-istazzjonijiet lokali biex b’hekk issir possibbli din ix-xandira estiża. Dan il-pass jirrappreżenta mument importanti fl-iżvilupp tal-festival, li issa qed jespandi l-preżenza tiegħu fuq medda usa’ ta’ pjattaformi televiżivi lokali, fl-istess waqt jeleva dan il-festival bħala wieħed nazzjonali.
Festivals Malta tirringrazzja lil TVM, ONE, F Living Channel u Smash TV li permezz ta’ dawn l-istazzjonijiet, Mużika Mużika ser ikun qed jitwassal b’mod dirett fid-djar ta’ eluf ta’ telespettaturi Maltin u Għawdxin. Is-sejħa saret lill-istazzjonijiet televiżivi lokali prinċipali kollha, u huma dawn l-istazzjonijiet li aċċettaw is-sejħa għall-interess li jikkollaboraw u jkunu parti minn Mużika Mużika għal din is-sena.
Festivals Malta tħabbar ukoll li bħala parti mill-impenn kontinwu lejn aktar aċċessibbiltà, għall-ewwel darba Mużika Mużika se jkun qed jixxandar ukoll bil-lingwa tas-sinjali fuq TVM+. Din l-inizjattiva tkompli ssaħħaħ l-għan strateġiku ta’ Festivals Malta li tagħmel il-kultura u l-arti aktar aċċessibbli għall-udjenzi tagħha.
Fl-2025, Mużika Mużika laħaq aktar minn 390,000 telespettatur, u permezz ta’ din l-estensjoni fix-xandir din is-sena, il-festival issa mistenni jilħaq udjenzi aktar diversi u jkompli jkabbar il-bażi ta’ segwaċi tiegħu.
“Huwa ta’ unur għalina li Mużika Mużika rnexxilna ntellawh f’livell daqstant għoli u li sena wara l-oħra l-istennija għalih qed tkompli tikber fost il-poplu Malti. Il-fatt li għall-ewwel darba fl-istorja tiegħu l-festival se jkun qed jixxandar fuq diversi stazzjonijiet televiżivi, flimkien max-xandir bil-lingwa tas-sinjali, jikkonferma l-istatus tiegħu bħala festival nazzjonali li jappartjeni lill-poplu kollu. Dan huwa pass ieħor importanti biex inkomplu nwasslu l-mużika Maltija għand aktar udjenzi u nagħmluha aktar aċċessibbli għal kulħadd. Irrid nirringrazzja lill-istazzjonijiet lokali li laqgħu l-offerta tagħna sabiex ixandru Mużika Mużika. Dan ser ifisser li ser jgħatu pjattaforma u viżibilità akbar lill-artisti tagħna,” qal iċ-Chairman ta’ Festivals Malta s-Sur Aaron Zahra.
“Mużika Mużika illum sar wieħed mill-aktar appuntamenti kulturali mistennija mill-pubbliku Malti. Fis-sitt edizzjoni tiegħu, il-festival se jkun qed joffri tliet serati ta’ produzzjoni ta’ livell għoli u mużika lokali ta’ eċċellenza, u issa, b’din l-estensjoni fix-xandir, se nsaħħu l-firxa u l-viżibilità tal-festival. Dan il-pass huwa frott ta’ ppjanar fit-tul u kollaborazzjoni effettiva, u jkompli jibni fuq il-momentum miksub fl-aħħar snin sabiex niżguraw tkabbir sostenibbli u esperjenza ta’ kwalità għall-udjenzi tal-festival,” saħaq il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta s-Sur Frans Agius.
Mużika Mużika, organizzat minn Festivals Malta, issa wasal fis-sitt edizzjoni tiegħu. Din is-sena l-festival se jsir fid-19, l-20 u l-21 ta’ Marzu. Il-festival jinkludi l-ewwel serata ddedikata għall-kanzunetti oriġinali tal-kompetizzjoni, serata tal-klassiċi fejn il-kantanti parteċipanti jingħaqdu ma’ kantanti stabbiliti biex jinterpretaw kanzunetta mill-passat, u s-serata finali li matulha jintgħażel ir-rebbieħ jew ir-rebbieħa ta’ din l-edizzjoni.
Għal aktar informazzjoni fuq Mużika Mużika 2026, wieħed jista’ jżur is-sit tal-festival www.muzikamuzika.mt u l-midja soċjali fuq Instagram u Facebook.



