M’hemmx dubju li lllum meta tqabbel ma’ snin ilu, is-servizzi offruti lill-anzjani tjiebu. Kull gvern ra li bil-mod il-mod jitjiebu l-faċilitajiet matul is-snin li fihom ikunu qed jgħixu l-anzjani b’mod partikolari dawk li minħabba raġunijiet diversi ma jkunux jistgħu joqogħdu aktar fi djarhom u jinġabru fi djar residenzjali. Illum id-djar tal-anzjani huma mmodernizzati u mgħammrin bi kmamar komdi lussużi u b’diversi faċilitajiet. Illum dawn id-djar huma ukoll mgħammra b’servizzi għal anzjani b’dipendenza għolja. Illum anke l-lista ta’ stennija twila li kien hemm biex anzjani jidħlu f’dar tnaqqas sew, għalkemm għad hemm lista ta’ stennija.
Waqt li hu pożittiv li d-djar tal-anzjani immodernizzaw u qed jagħtu ħafna attenzjoni lilll-ambjent fl-istess djar biex dan ikun modern u tal-ogħla livell, għad hemm kwistjonijiet oħra li pajjiżna irid jaħdem fuqhom. Kwistjonijiet li ilhom ikarkru. Nifhmu li ma tistax tikkuntena lil kulħadd. Nifhmu ukoll li l-anzjani anke minħabba l-età, se ssibhom spiss jilmentaw.
Għadek tisma’ kategoriji ta’ anzjani li spiss jilmentaw mis-servizzi mogħtija. Mhux kulħadd jilmenta. Hemm min hu kuntent imma hemm oħrajn jilmentaw. Ma jfissirx li għax hemm min hu kuntent, għandna ninsew jew inwarrbu lil dawk li jilmentaw.
Ilment regolari li jkellmuna dwaru hu dak dwar is-servizz tal-ikel. Spiss jaslulna ilmenti li l-ikel ma jkunx għoġobhom jew inkella li min dak li ordnaw huma ma jkunx fadal. Din toħloq frustrazzjoni kbira fost dawn l-anzjani, għax x’jiswa li tordna xi ħaġa partikolari, iddaħħal f’rasek li dak se tkun qed tiekol, imma imbagħad jgħidulek li minn dak ma fadalx.
Mistoqsija oħra li rridu nagħmlu hi dwar dak l-anzjani indipendenti li jkun hemm f’dawn id-djar. Dawn il-kwalità tal-ħajja tagħhom tjiebet jew marret għall-agħar? Isirulhom ħarġiet u attivitajiet? Kull kemm isiru? Qed nistaqsu dan għax l-anzjani jilmentaw ħafna dwar nuqqas ta’ ħruġ.
Nemmnu wkoll li anzjani li huma indipendenti għandhom jitħallew isajru xi ħaġa huma wkoll. Illum hawn ħafna mezzi siguri biex dan ikun jista’ jsir. M’għandhomx għalfejn wieħed jitkarrab jew joqgħod jistenna biex jieħu kafe jew te. Jew jekk għandhom aptit xi ħaġa żgħira tal-ikel li trid tissajjar iridu joqogħdu jistennew. Għal dawn l-anzjani frotta waħda jew tnejn jeżistu, u naħsbu li jkun tajjeb li jkun hemm aktar varjetà.
U l-aktar ħaġa li tinkwieta lill-qraba hi meta jsiru l-ilmenti dwar servizzi jew nuqqas tagħhom. X’rispons qed jingħata mill-awtoritajiet li għandhom isiru l-ilmenti? Nemmnu li dawn huma mistoqsijiet u sitwazzjonijiet li pajjiżna għandu jaħdem aktar fuqhom. It-tama tagħna hu bil-mod dawn jibdew jitranġaw.