Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?
F’ħajti ma tantx kont sportiva, imma xi għaxar snin ilu, meta bdejt nimxi u forsi niġġoggja ftit, kont tħajjart nieħu sehem f’dawk il-ġirjiet organizzati ta’ 5km li kienu jkunu “run/walk” għax kont naqta’ qalbi nieħu sehem bħala ġirja, peressli ma kontx niġri.
Imma dejjem kont nieħu gost bl-adrenalina ta’ qabel il-ġirja u l-mument meta tasal fil-“finish line” huwa tant maġiku li jġiegħlek tkun trid terġa’ tieħu sehem f’ġirja oħra. Bqajt nieħu sehem, b’mod attiv imma qatt ma kont nimmaġina li se nkun nigri xi 10km jew nofs maratona.
Seba’ snin ilu kelli sfida ta’ saħħa ftit kbira – kien xokk kbir għax qatt ma kont nimmaġina li se tilħaq lili wkoll. Peró, nista’ ngħid li t-taħriġ ta’ kuljum għenni ħafna kemm fiżikament, kif ukoll wisq aktar mentalment f’dak il-perjodu griż f’ħajti.
Niftakar li sfidajt lili nnifsi li wara li jgħaddi kollox, nieħu sehem fin-Nofs Maratona ta’ Malta – inkun kif inkun, ridt nagħmilha – niġri, nimxi, jekk hemm bżonn anke mkaxkra, basta ngħaddi minn dak il-“finish line”.
Niftakar meta ħadt sehem, kienet ġirja emozzjonanti ħafna ghax apprezzajt kull pass li kont qed nagħmel.
Minn dak iż-żmien ma ħaristx lura u komplejt nitħarreġ kuljum. Għalkemm l-isfidi tas-saħħa ma jonqsux, speċjalment iktar ma nikbru fl-etá, dejjem nibqa’ nara kif nagħmel u nieħu sehem fil-ġirjiet organizzati matul is-sena.
X’suċċessi maġġuri rnexxielek tikseb sa issa f dan l-isport li tant tħobb?
Għalkemm m’inix xi atleta li niġi minn ta’ quddiem, ikun mument sabiħ meta jirnexxieli nagħmel “personal best” f’xi ġirja. Wara kollox l-iskop ta’ kull ġirja għalija huwa li nipprova nkun aħjar mid-darba ta’ qabel – nikkompeti miegħi nnifsi.
Peró s’issa, l-isbaħ mumenti kienu meta s-sena l-oħra mort Pisa u għall-ewwel darba għamilt in-Nofs Maratona barra minn Malta. Esperjenza sabiħa wisq, tiġri ma’ tant eluf ta’ nies, f’post barrani, u tispiċċa fil-pjazza maġika tat-Torri ta’ Pisa!
Għamilt ukoll in-Nofs Maratona f’Limerick, l-Irlanda, fejn b’kollox konna madwar 18,000 persuna, u bqajt impressjonata bis-sapport tan-nies waqt il-ġirja kollha.
Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell huwa tajjeb ħafna. Għandna ħafna opportunitajiet ta’ klabbs u kowċis li huma dedikati għat-taħriġ tal-atleti. Imbagħad jiddependi mill-atleta individwali kemm ikun jista’ jagħti ħin għal dak li jrid jagħmel. Il-ġiri huwa sabiħ għax jagħtik iċ-ċans tkun flessibli fit-taħriġ, dejjem skont il-ħajja familjari u tax-xogħol tal-individwu.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Bħala pajjiż, għandna ħafna fejn nagħżlu kif nikkompetu fir-‘road races’, għax kważi kull ġimgħa jkun hemm xi ġirja jew tnejn.
Peró, hemm bżonn ta’ aktar dixxiplina fit-toroq, waqt il-ġirjiet. Mhux l-ewwel darba li xi partijiet ta’ xi ġirja jkunu perikolużi għax inkunu qed niġru bil-karozzi isuqu magħna.
Anke aħna l-atleti, speċjalment meta niġru fid-dlam, irridu nkunu dixxiplinati u nieħdu l-miżuri meħtieġa biex jonqos il-periklu.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?
Nixtieq nibqa’ attiva kemm nista’, għax kif għidt iktar ma nikber, l-atletika tgħinni kemm fiżikament u anke mentalment.
Nipprova kemm nista’ nisfida lili nnifsi biex inkun aħjar mill-ġirjiet ta’ qabel, peró, xorta nibqa’ ngħid li kull ġirja rrid ingawdiha u nieħu gost fiha.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.
Jekk inti mħajjar tibda, taqtax qalbek. L-importanti sakemm tibda tidħol fir-rutina ta’ kuljum għax meta tibda titħarreġ ta’ spiss, tiġi parti minnek, u meta ma titħarriġx, tħoss xi ħaġa nieqsa.
Nagħmel kuraġġ lil dawk kollha li forsi jibżgħu jieħdu sehem fil-ġirjiet … taqtgħux qalbkom – ħadd ma kien espert mill-ewwel!
Kulħadd ikun qed jiġri għal xi raġuni jew oħra! Narakom fil-‘finish line’!
Naghmel kuraġġ ukoll lil dawk li bħalissa għaddejjin minn xi sfida ta’ saħħa, biex jippruvaw jagħmlu xi eżerċizzju ħalli jgħinhom!