Friday, July 19, 2024

“Nagħmilha ta’ missier u ta’ omm fl-istess ħin”

L-irwol u r-responsabbiltajiet tal-missirijiet illum il-ġurnata nbidlu…

Aqra wkoll

“Għalija Jum il-Missier huwa ftit differenti minn tal-oħrajn. Dan għax jien irrid nagħmilha ta’ missier u ta’ omm fl-istess ħin. Dan ifisser li nkun responsabbli għall-benesseri ta’ binti. Li nipprovdilha l-għodda meħtieġa u li hija għandha bżonn biex tinbni l-futur tagħha u li nagħmel mill-aħjar li nista’ biex dejjem nipproteġiha”.

Dan huwa l-ħsieb speċjali għal Jum il-Missier li ċċelebrajna ilbieraħ f’pajjiżna. Messaġġ mingħand missier isseparat li b’kuraġġ ħa r-responsabbiltà tal-kustodja ta’ bintu minuri wara li din għażlet li tgħix miegħu. Bħalu llum il-ġurnata hawn ħafna. Dawn huma missirijiet li l-qrati ta’ Malta, għal raġunijiet varji, qegħdin jafdawlhom il-kura u l-kustodja ta’ wliedhom.

F’soċjetà dejjem tinbidel b’ċirkostanzi fejn in-numru ta’ separazzjonijiet ta’ koppji bi tfal dejjem jiżdied, l-arranġament tat-trobbija tat-tfal m’għadhomx kif kienu dari. Illum il-ġurnata t-tfal għandhom vuċi u jistgħu, fejn fi proċess delikat u bl-involviment ta’ professjonisti, jagħżlu ma’ liema ġenitur iridu jgħixu. Ir-rwol ta’ missier qegħdin narawh jinbidel fejn jekk qabel dan kellu r-rwol prinċipali tal-provditur tal-familja, illum dan m’għadux il-każ.

Illum missier huwa ġenitur parteċipi fit-trobbija tat-tfal daqs l-omm u mhux biss. Dan isajjar, inaddaf, jiġri għall-attivitajiet tat-tfal u huwa hemm f’kull sens għall-familja u għal uliedu.

Lil dawn il-missirijiet nammirawhom u nirringrazzjawhom għax-xogħol siewi li ta’ kuljum jagħmlu. F’din l-okkażjoni ma nistgħux ma nroddux ħajr lill-missierijiet kollha ta’ Malta u Għawdex li jagħmlu tant sagrifiċċji għall-familji tagħhom, kif ukoll nuru solidarjetà ma’ dawk il-missierijiet imdejqa minħabba li huma mxennqa li jaraw u jgawdu aktar lil uliedhom.

Finalment, infakkru wkoll lil dawk il-ħafna missirijiet li m’għandhomx magħna fejn f’dan il-Jum ħafna rħewla lejn iċ-ċimiterji biex iżuru l-qabar tal-għażiż tagħhom.
Jum il-Missier, bħal Jum l-Omm, huwa okkażjoni speċjali biex nuru l-apprezzament tagħna lejhom iżda huwa importanti li r-rispett u l-kuntatt jibqa’ dejjem kontinwu. Dan għax missier, bħal fil-każ ta’ dan il-missier li jrabbi lil bintu waħdu, huwa missier kuljum u għalhekk, għandna napprezzawhom kuljum.

Ekonomija

Sport