Mhux l-ewwel darba li n-nuqqas ta’ xi ħaġa f’ħajjitna tgħinna napprezzaw iżjed kemm dik ix-xi ħaġa hija verament importanti u kemm nagħmlu sewwa li kif jerġa’ jiġina ċ-ċans li nħaddnuha magħna naraw li kemm jista’ jkun ma nħalluhiex taħrabilna.
Nitkellmu dwar dan is-suġġett mhux biss għall-affarijiet tanġibbli bħalma huma persuni għal qalbna jew affarijiet oħra sentimentali, iżda anke għal dawk l-affarijiet li jsawruna.
L-Ilsien Malti huwa eżempju ċar ta’ dan li qegħdin niktbu dwaru llum. Sfortunatament rapporti riċenti komplew jikkonfermaw li l-istudenti Maltin qegħdin ibatu fl-ortografija tal-lingwa li tagħtina l-identità tagħna.
Ma nemmnux li dan qiegħed isir b’kumbinazzjoni u li l-ikbar saħta ta’ dan huma d-diskursati fuq il-midja soċjali li fil-lingwaġġ taż-żgħażagħ iktar insibuhom bħala ‘chats’. F’dawn id-diskursati, ħafna drabi m’hemmx interess lejn l-użu ta’ kif inpoġġu l-għ u l-h u agħar minn hekk, mhux talli nħalluhom neqsin, iżda saħansitra nippreżentaw kliem lil dawk li nkunu qegħdin nitkellmu magħhom, li jġiegħel lil missirijietna jitqallbu meta jiftakru f’kemm kienu kburin b’din l-identità tagħhom u kemm issieltu biex jippreservawha.
Fl-aħħar jiem kellna l-opportunità niltaqgħu ma’ wħud mill-komunità Maltija fi New York li kif ftaħna l-bieb ħatfuna fil-kelma u qalb il-ħafna persuni jitkellmu bl-Ingliż fil-jiem ta’ qabel fiż-żjara tagħna, stajna napprezzaw is-sabiħ tal-Malti mal-ewwel kelmiet bil-lingwa li tant għandna biex inkunu kburin biha.
Qalulna li l-komunità naqset minħabba nuqqas ta’ interess fost iż-żgħażagħ, iżda li b’għafsa ta’ qalb huma jqisu li l-Malti qiegħed jiddeterjora minħabba ċertu nuqqas ta’ apprezzament lejn il-ġawra tagħna li tagħmilna uniċi. Interessanti l-fatt li mal-150 Malti f’din il-komunità fi tmiem il-ġimgħa jwarrbu minn mal-familji tagħhom biex jiltaqgħu ma’ Maltin oħrajn u jfakkru l-għeruq tagħhom.
Għalihom li jkollok lingwa bħalma huwa l-Malti hija xi ħaġa li l-Amerikani kollha, minkejja li jgħixu f’pajjiż daqstant kbir u rinomat, joħolmu li jkollhom. L-Amerikani jgħixu f’dinja fejn il-lingwa li jużaw hija lingwa li jużaw ħafna popli madwar id-dinja filwaqt li aħna daqsxejn ta’ gżira fil-Mediterran għandna l-lussu li nużaw lingwa li hi speċifikament tagħna u li tgħmilna differenti mill-bqija tad-dinja.
Ħasra li anzjani li ilhom emigrati barra mill-pajjiż waslu fi stat li jibku l-lingwa li sawrithom u jridu jisirqu xi ftit tas-sigħat fil-ġimgħa biex jippriservawha filwaqt li ħafna ġenituri f’pajjiżna qegħdin jagħmlu minn kollox biex il-lingwa primarja ssir dik bħal tal-bqija. Nemmnu bis-sħiħ li l-Ingliż u lingwi oħra għandhom jingħataw importanza fl-edukazzjoni tal-poplu tagħna, iżda nisħqu li dan m’għandux isir għas-skapitu ta’ lsienna, il-Malti.
Fuq kollox irridu nitbegħdu mill-użu ta’ taħlit imkisser ta’ dak li jiddistingwina u dak li f-aħħar mill-aħħar se jagħmilna bħall-bqija tad-dinja. Tajjeb li nkunu kapaċi nkomplu mal-bqija, iżda iżjed importanti li nibqgħu fi stadju li niftaħru b’dak li jsawwar l-identità tal-ġens Malti … għax fl-aħħar mill-aħħar aħna Maltin.