Wednesday, November 12, 2025

NAGĦTU IMPORTANZA LILL-KURA TAD-DIJABETE

Aqra wkoll

Madwar id-dinja kollha fil-jiem li ġejjin se jiġi ċċelebrat il-jum iddedikat għad-dijabete.  Ta’ min wieħed għalhekk jieqaf u jirrifletti dwar x’qed isir ukoll f’pajjiżna fejn tidħol din il-kundizzjoni. 

Huwa stmat li f’Malta hawn ftit aktar minn 10% tal-popolazzjoni li għandhom din il-kundizzjoni, li taffettwa l-mod kif il-ġisem tagħna juża z-zokkor li ġej mill-ikel u jidħol fid-demm.

Mhux darba jew tnejn li minn dawn il-kolonni tkellimna fuq il-benefiċċju li wieħed jagħmel xi tip ta’ eżerċizzju fiżiku filwaqt li jagħmel dieta bilaċjata jew jiekol ikel li huwa sustanzjuż għas-saħħa. 

Bla dubju nemmnu li l-eżerċizzju fiżiku huwa importanti ferm għal ħajja sana u jista’ jgħin biex jipprevjeni milli l-bniedem jiżviluppa ċertu kundizzjonijiet mediċi. 

Intant, għandna għax nifhmu wkoll li l-Gvern qed jagħmel il-parti tiegħu fejn jidħol id-dijabete. Dan hekk kif qed ikompli jiġi estiż is-servizz tal-Continuous Glucose Monitoring biex dan is-servizz jilħaq aktar persuni. Għalhekk permezz ta’ investiment ta’ €300,000, dan is-servizz ser ikun qed jiġi estiż għal dawk li għandhom bejn 46 u 50 sena u li għandhom il-kundizzjoni dijabete tip 1.

Quddiem dan kollu nemmnu li se tkompli l-ħidma mal-pazjenti u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa biex ikompli l-monitoraġġ tad-dijabete u sabiex jinstabu modi innovattivi biex tkompli tiġi kkontrollata din il-kundizzjoni lokalment, filwaqt li jkomplu jassistu lill-pazjenti li jbatu minn din il-kundizzjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport