Saturday, December 28, 2024

“Naħdmu favur il-protezzjoni tal-ħolqien, li jagħti n-nifs lill-ħajja, għax il-qerda tiegħu ġġib il-qerda tal-ħajja umana”

Aqra wkoll

Naħdmu kemm għall-protezzjoni tat-tarbija fil-bidu nett, kif ukoll tal-bniedem li qiegħed marid u dipendenti; naħdmu għall-protezzjoni tal-ħajja tan-nies li huma f’riskju li jegħrqu jekk għall-għajta tagħhom indawru wiċċna n-naħa l-oħra, u tal-persuni li jistgħu jitilfu ħajjithom sforz tat-traskuraġni ta’ ħaddieħor. Naħdmu favur il-protezzjoni tal-ħolqien, li jagħti n-nifs lill-ħajja, għax il-qerda tiegħu ġġib il-qerda tal-ħajja umana.”

Hekk qal l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi fl-omelija tiegħu waqt quddiesa organizzata mil-Life Network Foundation b’tifkira tal-vittmi tal-abort fid-dinja, liema quddiesa saret illum fil-Kappella tal-Lunzjjata, ir-Rabat.

Huwa qal ukoll: “Imma jekk inti tgħid li tista’ ttemm ħajja umana ġdida fl-aktar fażi vulnerabbli, dgħajfa u ta’ dipendenza, x’jibqa’ fik? Kultant isejħulha deċiżjoni progressiva. Imma x’hemm progressiv f’dan? Hu eżatt il-kontra. Jekk int ittemm ħajja umana, jiġifieri twaqqaf ħajja ġdida milli tagħmel progress, hi deċiżjoni rigressiva u mhux progressiva. Kultant isejħulha deċiżjoni liberali. Imma x’hemm liberali f’din l-għażla? Hi eżatt il-kontra, għax hi deċiżjoni li xxekkel il-libertà, mhux li tħarisha. Hi deċiżjoni li tippromwovi l-mewt, mhux il-ħajja.”

L-Isqof Awżiljarju talab b’mod partikulari għal dawk kollha li bħalissa għandhom diffikultà biex iħarsu l-ħajja umana li tnisslet fihom, biex isibu mhux min jagħtihom soluzzjonijiet li jġibu l-mewt imma jsibu min jagħtihom soluzzjonijiet li jħarsu l-ħajja, min jagħtihom l-appoġġ u s-solidarjetà li jeħtieġu ħalli huma jistgħu jgħixu kuntenti filwaqt li l-ħajja li jġorru fihom tiġi salvata.

Ekonomija

Sport