Wednesday, December 25, 2024

Naħħala jirrikonoxxu l-isforz iżda jsostnu li hemm bżonn aktar għajnuna

… It-talba mhix finanzjarja, iżda f’ħidma kollettiva kontra l-invażjoni tal-bagħal taż-żunżan

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem il-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo ħabbar għajnuna finanzjarja lin-naħħala biex tkompli tiġi indirizzata l-isfida kbira tal-popolazzjoni tal-Bagħal taż-Żunżan li qiegħed jeqred iċ-ċiklu tal-produzzjoni tal-għasel f’pajjiżna.

Talk.mt jinsab infurmat li l-gvern se jkun qiegħed jagħti lin-naħħala reġistrati €10 għal kull kaxxa iżda f’kummenti ma’ dan is-sit, uħud min-naħħala esprimew il-bżonn li din l-għajnuna tiżdied minħabba li skonthom is-sitwazzjoni hija gravi iżjed milli tidher. 

“€10 għal kull kaxxa hija ferm ftit minħabba li l-invażjoni qawwija tas-sena li għaddiet mistennija tirrepeti ruħha b’iżjed qilla ladarba jaqleb it-temp. Mhux xi aħbar li ngħidu li s-sena li għaddiet kellna kolonji sħaħ li nqerdu minħabba li ma konniex kapaċi nikkontrollaw l-invażjoni ta’ dan l-insett u minħabba f’hekk nistennew invażjoni kiefra fix-xhur li ġejjin”, sostna wieħed min-naħħala li tkellmu magħna. 

Naħħal ieħor li rrikonoxxa t-tentattiv tal-gvern li din is-sena jintervjeni qabel ikun tard wisq minħabba li f’pajjiżna l-klima dalwaqt terġa’ tibda tisħon, qalilna li mhix kwistjoni biss ta’ flus, iżda anke ta’ ħsieb. Huwa kompla biex jgħidilna li minħabba invażjoni daqstant b’saħħitha jistennew li din in-nassa provduta se tkun qiegħda timtela malajr wisq.

Bżonn ta’ iktar nases minħabba invażjoni qawwija ħafna

Huwa elabora jgħid li normalment ma’ kull ħames kaxxi kienet titweħħel nassa, iżda li minħabba din l-invażjoni fil-preżent qegħdin ikollhom jitwaħħlu mat-tliet nases ma’ kull kaxxa. Minħabba f’hekk huwa ma eskludiex li jista’ jagħti l-każ li jkollhom iżidu fin-nases biex jikkontrollaw dan l-insett li s-sena li għaddiet “għamel ħerba minn kolonji sħaħ ta’ naħal”. Biex jagħti stampa aktar ċara huwa qalilna li bħalissa f’dan it-temp hawn biss ir-reġina tal-Bagħal li qiegħda fuq barra u li kif jaqbad jisħon daqsxejn it-temp din tibda tfittex biex tbid u minn waħda biss kapaċi tiżdied għal 30 reġina oħra li jsiru fertili fis-sena ta’ wara u mal-1,000 bagħal taż-żunżan li n-naħħala jsejħu bħala ħaddiema li jkunu attivi l-bqija tal-istaġun kollu. 

Il-gvern jirrikonoxxi l-bżonn li jintervjeni 

Proprju fl-aħħar jiem, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ħabbar għajnuna finanzjarja mmirata lejn in-naħħala f’pajjiżna biex isservi ta’ għajnuna għall-konsegwenzi li ġarrbu mill-bagħal taż-żunżan. Il-Ministru Anton Refalo sostna kif permezz tal-għajnuna finanzjarja is-settur se jkun jista’ jinvesti fit-tagħmir biex jiġi kkontrollat dan l-insett u fl-istess waqt jibda l-proċess ta’ ripopolazzjoni minħabba l-fatt li dan iż-żunżan ħalla impatt negattiv fuq il-popolazzjoni tan-naħal f’pajjiżna.

Dan is-sit kien minn ta’ quddiem li tkellem mal-Għaqda tan-Naħħala f’Settembru li għadda, proprju xhur ilu meta bdew bil-karba tagħhom minħabba telf ta’ kolonji sħaħ ta’ naħal. F’kummenti lil Talk.mt, naħħala fil-limiti tal-Madliena u żoni fin-naħa t’isfel ta’ Malta kienu qalulna li tilfu sa 30 kolonja ta’ naħal minħabba l-invażjoni aggressiva tal-bagħal taż-żunżan.

Ħidma kollettiva għall-kontroll tal-bagħal taż-żunżan anke f’postijiet urbani

In-naħħala li tkellmu magħna rrikonoxxew il-fatt li l-gvern qiegħed jieħu azzjoni qabel jaqleb it-temp iżda sostnew li t-talba tagħhom kienet biex tinstab soluzzjoni fl-invażjoni tal-Bagħal taż-Żunżan iktar milli jistabilixxu prezz ta’ għotja finanzjarja għax din hija xi ħaġa kollettiva li jeħtieġ li tiġi indirizzata kemm jista’ jkun malajr biex ikun assigurat li l-prodott lokali jibqa’ b’saħħtu. Huma komplew biex appellaw lill-gvern jikkunsidra li jibda pjan ta’ kontinġenza mal-Kunsilli Lokali u l-entitajiet kollha konċernati biex anke dawn jgħinu fit-tqassim u twaħħil ta’ iktar nases f’postijiet urbani.

Jappellaw għal multi fil-konfront ta’ dawk li jibqgħu jwebbsu rashom

Appellaw ukoll lis-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said, li taħta jaqa’ wkoll il-Kunsill tal-Ħarsien tal-Annimali biex jgħinu fl-edukazzjoni biex dawk li jagħlfu l-qtates barra, jiġu edukati biex matul il-ġurnata jitqassam dry food biss. Huma saħqu li dawn il-persuni qegħdin ixekklu ħafna iktar milli jaħsbu l-kontroll tal-invażjoni ta’ dan l-insett li qiegħed isib x’jiekol u jkompli jissaħħaħ minħabba li dawn l-“hekk imsejħa animal lovers” qegħdin ikomplu jattirawh. Fl-appell tagħhom lill-awtoritajiet, in-naħħala sostnew li hemm bżonn sanzjonijiet relatati u li wara li tinħareġ twissija, għandu jkun hemm iżjed infurzar anke permezz ta’ multi għal dawk li jibqgħu ma jagħtux kas.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, in-naħħala temmew jappellaw lill-għaqdiet ambjentali bħalma huma Nature Trust u Friends of The Earth Malta li tant għandhom għal qalbhom in-natura biex jifhmu li huwa fl-interess tagħhom ukoll li l-proċess tal-polinizzazzjoni jkun jista’ jitkompla mingħajr il-qerda ta’ iżjed kolonji ta’ naħal li jaf jieħdu ħafna żmien biex jiġu rkuprati.

Ekonomija

Sport