Minn żmien għal żmien nisimgħu b’kampanji edukattivi sabiex titqajjem kuxjenza akbar dwar is-sigurtà fit-toroq. Dawn il-kampanji jilħqu l-qofol tagħhom proprju f’dawn iż-żminijiet ta’ festi, bl-awtoritajiet konċernati jwissu dwar il-perikli tas-sewqan meta persuna tkun taħt l-influwenza tal-alkoħol jew sustanzi oħra.
Huwa minnu li dawn il-festi jwasslu sabiex aktar persuni jiltaqgħu flimkien u għalhekk il-konsum tal-alkoħol hija xi ħaġa li prattikament diffiċli tiġi evitata. Il-kampanja primarjament hija ffokata biex kemm jista’ jkun, persuna ma tikkunsmax l-alkoħol jekk se ssuq. Iżda nemmnu li din tista’ tiġi elaborata ferm aktar minn hekk.
Nemmnu li realistikament diffiċli li jiġi evitat il-konsum tal-alkoħol f’dawn iż-żminijiet. Iżda llum aktar minn qatt qabel bis-servizzi varji ta’ trasport alternattiv minn post għall-ieħor, huwa aktar faċli li persuna tieħu pjaċir tgawdi dawn il-festi mingħajr ma tkun ta’ periklu għaliha nfisha u għal ħaddieħor.
Fid-dawl ta’ dan, filwaqt li huwa tajjeb li aktar nies imorru lejn dan it-trasport alternattiv jekk se jikkunsmaw l-alkoħol, inħeġġu sabiex kull individwu jkun aktar responsabbli għax mhuwiex biss każ ta’ sewqan iżda b’kontroll fuqu nnifsu jista’ jevita inċidenti oħra bħalma huma argumenti bla bżonn, li jeskalaw fejn ikun hemm konsum qawwi tal-alkoħol.
Minbarra dan, tajjeb li nżommu f’moħħna s-saħħa ta’ dak li jkun, fejn sfortunatament għad hawn min ma japprezzax sa fejn għandu jasal għax bħalma ngħidu f’kollox hemm il-limitu tiegħu.
Sfortunatament jiġru inċidenti kważi f’kull jum tas-sena, minn dawk żgħar sa oħrajn li jħallu impatt akbar fuq il-midja soċjali. Parti mill-kampanja ta’ Transport Malta se tkun qiegħda tinkludi wkoll vittmi ta’ inċidenti li seħħew fil-passat u li fortunatament għalihom dakinhar kienet ġiethom tajba.
L-għajta tagħhom fl-appelli titkellem waħedha, fejn huma llum lanqas biss jikkunsidraw l-istess atteġġjament li ħadu dakinhar fejn forsi bir-raġunament ta’ “uwijja” seta’ ma kellhomx l-opportunità li jagħmlu dawn l-appelli li ma kienx għall-intervent immedjat u f’waqtu tal-paramediċi.
Quddiem dan kollu, nilqgħu l-isforzi tal-awtoritajiet li jżommu kontroll akbar fit-toroq u għal sena oħra nistennew fl-ispezzjonijiet speċjalment fil-jiem ta’ qabel u waqt il-Milied u anke fl-Ewwel tas-Sena.
Forsi għal uħud dawn jidhru bħala xi ħaġa maħluqa mill-awtoritajiet biex jagħmlu qligħ, fil-verità dawn l-ispezzjonijiet għandhom ikunu b’saħħithom sa minn qabel l-iljieli tal-festi, sabiex il-messaġġ ikun wieħed ċar, matul is-sena kollha, li m’hemmx lok li dak li jkun jabbuża.
Fost numru ta’ suġġerimenti mill-Kumitat tat-Trasport fil-Parlament Ewropej, li se jkunu qed jgħaddu għall-vot tal-Parlament sħiħ f’Jannar li ġej, nilqgħu l-proposta ta’ perjodu ta’ probation għal sewwieqa nieqsa mill-esperjenza.
Il-fatt li sewwieqa ġodda jkollhom dan il-perjodu ta’ mill-inqas sentejn fejn ikollhom ċertu restrizzjonijiet fosthom pieni eħrex għal dawk li jinqabdu jsuqu bi traskuraġni jew taħt l-effett tal-alkoħol, hija proposta b’saħħitha li m’għandhiex tibqa’ fuq il-karta.
Naqblu mal-ħsieb tal-Kumitat li sewwieqa ġodda jistgħu jkunu sewwieqa tajbin ukoll iżda jeħtieġ li b’aktar sorveljanza jkun assigurat li ma jkunx hemm lok għal min jiġi jaqa’ u jqum mis-saħħa tiegħu nnifsu jew ta’ ħaddieħor.