Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-basketball?
Proprjament bdiet minn żewġ naħat, waħda għax missieri kien il-president tal- Athleta u kien jeħodni nara xi logħob u dejjem ridt nilgħab fil-court il-kbir bħall-irġiel. Min-naħa l-oħra kont immur ħafna l-Oratorju tas-Sależiani tas-Sliema u kien hemm il-basketball u mill-ewwel nġbidt lejn dan l-isport.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala kowċ tat-tim tan-nisa ta’ Depiro BC.
Għall-ewwel ma kinitx deċiżjoni faċli, għax kont kuntent nikkowċja ż-żgħar u ngħin intella’ t-timijiet tal-futur. Imma wara ftit ħsieb kont għidt li għad jiddispjaċini jekk ma niħux din l-opportunitá. Kont naqra anzjuż għax ovvjament qatt ma taf x’tip ta’ karattri ħa ssib u xi problem ħa taffaċċja. Imma kont fortunat u sibt tim lest li jaħdem, dedikat u magħqud. Allura sibtni komdu mill-ewwel u nħoss li ħdimna sew flimkien u lħaqna dak li ridna.
X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara r-rebħ tal-kampjonat minn dan it-tim fil-jiem li għaddew?
Kieku sigriet ma kontx ngħidlek! Naħseb li kellna tim komplut bħala rwoli u stajt nuża rotazjoni tajba ta’ disa’ plejers u anke iktar kieku ridt. Ovvjament, dan flimkien li kellna plejer barranija tajba ħafna li żgur għenitna, mhux biss bit-talent tagħha imma wkoll bl-intelliġenza fil-logħba u l-karattru ferrieħi li kellha.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-basketball f’pajjiżna fil-preżent?
Min-naħa tan-nisa naħseb li l-livell qed jogħla. Għandna ħafna plejers li marru jew qegħdin jilagħbu barra minn Malta, u din l-exposure tgħin ħafna għall-iżvilupp tal-plejers indiviwali kif ukoll l-influwenza li dawn il-plejers ikollhom fuq it-tfal li telgħin warajhom.
U dak tar-riżorsi fejn il-plejers tagħna jitħarrgu u jkollhom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħhom?
Ir-riżorsi f’Ta’ Qali tjiebu ħafna, bil-court prinċipali huwa wieħed eċċellenti, training courts tajbin u anke dawk l-outdoor courts naħseb ikunu vera ta’ għajnuna biex il-livell tal-basketball jibqa’ jogħla. Kemm nixtieq li kellna xi ħaġa hekk meta kont iżgħar jien!
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-basketball?
Fil-futur viċin, il-pjan huwa li nibqa’ ma’ dan it-tim u nippruvaw nerġgħu niksbu s-suċċessi ta’ din is-sena.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-basketball u jkollu karriera ta’ suċċess f’dan l-isport.
Il-messaġġ tiegħi huwa wieħed sempliċi – jekk xi ħadd jixtieq ikun ta’ suċċess f’dan l-isport jew kwalunkwe ħaġ’oħra, irid jaħdem għalih b’dedikazzjoni u passjoni.