Monday, April 21, 2025

Naħseb li s-suċċess tat-tim tal-Minors ta’ Naxxar Lions FC kien frott ta’ taħlita ta’ xogħol iebes, għaqda tat-tim, u tmexxija intelliġenti – Sven Camilleri

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn meta kont żgħir. Il-ġenituri haduni fl akademja tal pieta min eta ta’ erba’ snin u minn dakinhar qatt ma ħarist lura. Meta bdejt nara logħbiet fuq it-televixin, l-imħabba kibret aktar. Maż-żmien, il-futbol sar parti minni, mhux biss bħala logħba imma bħala stil ta’ ħajja. Huwa l-post fejn ninsab tassew jien – kemm fil-ferħ kif ukoll fid-dwejjaq! 

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Naxxar Lions FC.

L-esperjenza tiegħi ma’ Naxxar Lions matul dan l-istaġun 2024/2025 kienet waħda pożittiva u ta’ sodisfazzjon. Bħala plejer, ħassejtni parti minn tim determinat li jikseb suċċess fil-Kampjonat tal-Youths League Sezzjoni A, u flimkien ktibna l-istorja għall-klabb ta’ Naxxar Lions. Personalment, din l-esperjenza kienet opportunità biex nikber bħala plejer u nikkontribwixxi għas-suċċess tat-tim.

X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara r-rebħ tal-Kampjonat ta’ Sezzjoni A tal-Minors minn Naxxar Lions FC?

Naħseb li s-suċċess ta’ Naxxar Lions FC fit-taqtiegħa tal-Kampjonat ta’ Sezzjoni A tal-Kampjonat tal-Youths kien frott ta’ taħlita ta’ xogħol iebes, għaqda tat-tim, u tmexxija intelliġenti. Wieħed mis-sigrieti ewlenin kien it-taħriġ konsistenti u d-dixxiplina li ġie infurzat kemm mill-kowċ kif ukoll mill-istaff tekniku. It-tim kellu wkoll bilanċ tajjeb bejn plejers b’esperjenza fil-livell youth u oħrajn iżgħar li wrew talent u kuraġġ. Għaldaqstant, is-suċċess ma ġiex b’kumbinazzjoni, imma b’dedikazzjoni, għaqda u passjoni ġenwina għall-logħba u għall-klabb.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Etienne Vella?

Il-kowċ Etienne Vella huwa persuna b dedikazzjoni kbira lejn il club Naxxari. L-għarfien tiegħu tal-logħba u l-ħiliet ta’ komunikazzjoni tiegħu jgħinu biex it-tim ikun organizzat u motivat. L-impenn tiegħu lejn l-iżvilupp tal-plejers u l-kontribut tiegħu lejn is-suċċess tat-tim huma evidenti fir-riżultati li ksibna. Personalment lili għenni ħafna biex inkompli nikber f dan l isport u dejjem taghni struzzjonojiet validi immens u li ħa nibqa’ niftakarhom tul ħajti kollha. Mhux biss ħadem biex nirbħu imma wkoll biex iżomm l-għaqda fit-tim li hija ferm importanti.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Bħala żagħżugħ b’passjoni qawwija għall-futbol, inħares lejn il-futur tiegħi bil-fiduċja u l-ambizzjoni li nkompli nikber u niżviluppa bl-aħjar mod bħala plejer. Il-mira ewlenija tiegħi hija li nkompli nikber bħala plejer fil-pitch u anke barra minnu. L-aktar ħaġa importanti għalija hija li nibqa’ nħobb il-logħba u nipprovdi l-aħjar verżjoni tiegħi f’kull mument. Nittama li l-futur tiegħi jkun wieħed mimli sfidi, suċċessi u tagħlim kontinwu.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-futbol.

Il-messaġġ tiegħi huwa wieħed sempliċi. L-isport huwa wisq sabiħ u għalija l-futbol huwa passjoni kbira. Nħeġġeġ lil kuħadd biex jagħmel sport u jemmen fih innifsu biex ma jaqtax qalbu anke meta l-affarijiet ma jiġux dejjem kif jixtiequ. Importanti li tavdaw fil-proċess u f’kull ma tagħmlu. Kwotazjoni li nħobb nuża hija dik bl-Ingliż, ‘believe and achieve!’ 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport