Minn Cristian Muscat
X’tikkummenta fuq l-andament ta’ Sliema Wanderers matul dan l-istaġun sa issa?
Naħseb li t-tim ta’ Sliema qed jaħdem tajjeb ħafna biex jagħti logħba u jista’ jirbaħ lil kull tim fil-kampjonat!
X’inhuma t-tragwardi tagħkom ghall-kumplament tal-istaġun bħala tim?
It-tragward ta’ Sliema hu li nkomplu ninżlu għal kull logħba u niksbu t-tliet punti. Nafu li jrid isir ħafna xogħol, peró, konvinti li se jkompli jkollna staġun tajjeb.
X’tikkummenta fuq il-kowċ ta’ Sliema Wanderers, Paul Zammit?
Bla ebda dubju huwa kowċ bravu mmens u jqis kull dettall kemm fil-pitch kif ukoll barra minnu.
U fuq il-kumitat ta’ Sliema Wanderers immexxi mill-president, Keith Perry?
Huwa kumitat tajjeb immens. Hemm president ħabrieki flimkien mal-kumitat li jagħmlu l-aqwa xogħol possibbli.
Taqbel li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt fil-Kampjonat Premier?
Nemmen li l-kampjonat huwa bilanċjat ħafna u kulħadd jista’ jirbaħ lil kulħadd. Nara forsi lil Floriana l-aqwa tim tattikament u nemmen li Hamrun Spartans għandhom barranin ta’ livell aħjar minn timijiet oħra.
Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-plejers Maltin?
Il-barranin żdiedu fl-ammont fil-pitch, peró, nemmen li bħala livell u kwalitá naqas ħafna!
Kemm int kuntent bil-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tal-Kampjonat Premier?
Bħala grawnds huma tajbin meta tqis li jintagħbu numru ta’ logħob fil-ġimgħa meta kkumparat ma’ grawnds barra minn Malta.
X’taħseb dwar il-kontroll tar-referis fil-Kampjonat Premier?
Naħseb li huwa tajjeb ħafna. Ovvjament, se jkun hemm xi żbalji … kulħadd uman!
X’inhuma s-sagrifiċċji li plejer tal-futbol irid jagħmel sabiex ikun tajjeb?
Trid tagħmel ħafna sagrifiċċji speċjalment jekk trid taspira li tmur tilgħab barra minn Malta ‘l bogħod mill-familja u ħbieb.
Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol tiegħek u mal-futbol?
Tipprova tippjana sew biex tqassam il-ġranet aħjar.
Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera fil-futbol.
Nagħtihom parir biex ma jaqtgħux qalbhom la fil-futbol u iktar u iktar fil-ħajja personali!
Issibu ħafna nies li forsi ma jagħtukomx importanza, peró, ibqgħu aħdmu u sibu post / klabb ieħor fejn tħossukom ħafna aħjar!