Liam Stafrace huwa ġuvni b’nuqqas ta’ dawl li bl-ambizzjoni tiegħu u bl-għajnuna mill-Fondazzjoni Visual Non Visual qiegħed jintegra ruħu fis-soċjetà permezz ta’ eżerċizzju u attivitajiet oħra organizzati apposta mill-istess Fondazzjoni.
Minkejja kollox, Liam Stafrace hu ġuvni b’determinazzjoni kbira li jkompli jgħix ħajja kompletament indipendenti. Huwa għalhekk li l-Visual Non Visual Network għandha missjoni li tgħin lil dawn in-nies jakkwistaw ħiliet ġodda li jgħinuhom jintegraw aħjar fis-soċjetà.
Minn mindu kien żgħir ħafna Liam ma żammu xejn milli jieħu sehem f’diversi dixxiplini ta’ sport, fosthom il-futbol li għadu jipprattikah sal-lum u issa anki eżerċizzju fil-gym.
Dan is-sit tkellem ma’ Liam dwar diversi temi li għandhom x’jaqsmu mal-qasam tad-diżabbiltà kif ukoll l-oġġett li tant iħobb, l-isport.
Iżda kif bdiet l-imħabba tiegħu għall-isport?
“Kont għadni żgħir u sħabi kienu jipprattikaw l-isport fl-iskola fejn kont immur. Jien bħal qisni tħajjart u minkejja li forsi kelli xi ftit tal-limitazzjoni, qatt ma qtajt qalbi. Anke l-familja tiegħi kienet tħobb l-isport u saħansitra kelli z-ziju tiegħi li kien jilgħab il-futbol. Għalhekk kienet normali li bdejt inħobb l-isport.”
“Fiżikament u anki mentalment jekk qed titrenja għal oġġett ħa tagħti l-almu tiegħek inti kburi u tagħmel kburin lin-nies ta’ madwarek filwaqt li qed tħeġġiġhom jagħmlu ċertu affarijiet lanqas jekk ikun diffiċli kemm hu diffiċli xorta ibqa’ prova għax fil-ħajja m’għandek taqta’ qalbek qatt.”
Liam beda jipprattika l-atletika ta’ disa’ snin u ħa sehem f’diversi kompetizzjonijiet kemm lokali kif ukoll internazzjonali. Jiftakar b’mod partikolari meta f’turnament li sar f’Rodi kien qara l-ġurament qabel il-bidu ta’ turnament internazzjonali. Dakinhar kien irnexxielu jirbaħ il-midalja tad-deheb. Kien sodisfazzjon enormi għalih li wasal sa dan l-istadju.
Madankollu meta kellu 13-il sena, Liam mexa għall-isport tal-futbol li hu wieħed mill-favoriti tiegħu. Minkejja l-problema t’għajnejh hu qatt ma qata’ qalbu u baqa’ jirsisti filwaqt li Special Olympics fetħulu opportunita’ kbira li jkun jista’ jilgħab mat-tim nazzjonali. Hu jiftakar bosta mumenti sbieħ fil-futbol.
“Niftakar meta kont skorjajt f’Sardenja. Konna ġejna 6-2 kontra tim lokali u jien kont skorjajt wieħed mill-gowls li għalija kien ukoll l-ewwel wieħed internazzjonali. Niftakar l-atmosfera sabiħa li kien hemm u fuq kollox meta lgħabna b’mod kollettiv bħala tim.”
Liam normalment iħobb jilgħab bħala attakkant għalkemm ġieli lagħab ukoll bħala winger jew midfielder iktar u iktar minħabba li l-logħob li jipparteċipa fih hu fuq bażi 5-a-side.
“Li nilgħab il-futbol għalija hu passjoni. Jien ma qtajt qalbi qatt u wasalt fejn kelli nasal għax dejjem bqajt nimbotta lili nnifsi li nista’ nagħmilha wkoll. Fl-aħħar mill-aħħar din ix-xewqa saret realtà.”
Liam jgħidilna li hu twieled nieqes mid-dawl sakemm fl-eta’ ta’ tliet snin seħħ miraklu li minnu seta’ jara dik id-daqsxejn li hi biżżejjed sabiex ikun jista’ jgħix il-ħajja li jixtieq hu. Hu mal-ewwel ġie milqugħ minn sħabu u taw l-għajnuna meħtieġa kull meta kellu bżonn. Grazzi wkoll għal Special Olympics hu sab familja li lesta mhux biss tilqgħu iżda wkoll li tara li ma jkun jonqsu xejn.
Iżda Liam ġieli saqsa lilu nnifsu għalfejn kellu jkun hu stess li jkun nieqes mid-dawl u forsi ħadha kontra Alla?
“Nammetti li iva ġieli għaddieli minn moħħi dan il-ħsieb u ħadtha kontra Alla. Madankollu nammetti wkoll li ddispjaċieni għal li ħsibt għax kien grazzi għal Alla li jien ta’ tliet snin infetħitli tieqa ġdida f’ħajti. Alla hu miegħi u Hu qed imexxini matul ħajti.”
Liam Stafrace isostni li hu kapaċi daqs ħaddieħor u għandu l-motivazzjoni biex jgħin kif jista’ nies li bħalu għandhom din il-kundizzjoni.
Saqsejnih kif jara l-qasam tad-diżabbiltà f’pajjiżna
“Ifhem skont f’liema qasam. Dan is-settur maqsum f’ħafna biċċiet skont id-diżabbilta’ tiegħek għalkemm nemmen li jekk ningħaqdu flimkien kapaċi nagħmlu ħoss.”
“Sfortunatament mhux kulħadd jara l-istess. Għalhekk aħna stess irridu nkunu sabiex inqajmu kuxjenza man-nies hemm barra dwar dan is-settur. L-għajnuna ta’ diversi għaqdiet hi essenzjali u naf li qed isir ħafna f’dan ir-rigward.
Liam jaħdem mal-Fundazzjoni Visual Non-Visual fejn iħejju proġetti ta’ fejda għal dawk il-persuni li huma neqsin mid-dawl. Wieħed mill-proġetti hu msejjaħ Visual/Non Visual Tourism b’diversi attivitajiet li jsiru matul is-sena partikolarment fis-sajf.
Nerġgħu nitkellmu dwar l-isport. Liam jgħid li l-futbol u sport ieħor li jipprattika hu bħal żvog għalih wara ġurnata xogħol. Bħalissa l-kowċ Noel Azzopardi qed iħarreġ lill-plejers tiegħu darbtejn fil-ġimgħa u qed iħeġġiġhom sabiex jagħtu l-aħjar tagħhom l-istess bħalma għamlu fl-edizzjoni ta’ Special Olympics Malta Invitational Games 2022. Hu kien qed jilgħab ma’ Malta Whites, tim li spiċċaw fir-raba’ post tat-turnament tal-futbol. Stafrace skorja fil-logħob tal-gruppi kontra San Marino u hu jiddeskrivi dan il-mument bħala wieħed ferm sabiħ. “Meta tiskorja hu dejjem sabiħ iżda meta tagħmel dan ma’ pajjiżek hu aqwa”.
Liam Stafrace kompla billi rringrazzja b’mod partikolari lil Special Olympics Malta speċjalment lill-organizzaturi tal-avveniment sabiħ li ħejjew fit-tlett ijiem li damu l-logħob. Hu ħa pjaċir b’mod partikolari li l-istazzjon nazzjonali ħa sehem attiv f’dawn il-logħob u xandar ħafna mill-avvenimenti li seħħew fil-ħames postijiet fejn saru l-logħob u fis-sitt dixxiplini li fihom l-atleti Maltin ipparteċipaw b’tant ħeġġa, determinazzjoni u passjoni. Hu fisser dan il-mument bħala wieħed uniku aktar u aktar għax din is-sena l-logħob saru f’pajjiżna.
Finalment Liam xtaq iwassal messaġġ ta’ kuraġġ lil dawk l-individwi li bħalu neqsin mid-dawl. “L-ewwel u qabel kollox għamlu kuraġġ u taqtgħu qalbkom qatt. Tridu tirsistu u qatt tgħidu li ma tistgħux taslu għax il-ħajja ssir diffiċli. Madankollu jekk tiġġieldu din il-ħajja, se taslu. Ovvjament ma rridux ninsew lil Alla li hu jmexxina fit-triq tas-sewwa u jtina l-kuraġġ li tant għandna bżonn. Il-Mulej dejjem magħna u għalhekk intenni li rridu nħalluh imexxina. Persważ li bħali hawn oħrajn li huma determinati. Jien qed intikom kelma ta’ kuraġġ li permezz tagħha nqawwilkom qalbkom li bħalma wasalt jien, tistgħu taslu intom ukoll!”