Friday, November 22, 2024

NANALIZZAW BIEX NARAW MIN ŻIED BIL-QAWWI L-PROFITTI FI ŻMIEN TA’ KRIŻI

Aqra wkoll

Għal darba oħra ir-rata ta’ inflazzjoni f’pajjiżna u anke fl-Ewropa kompliet nieżla. Għax-xahar ta’ Lulju ir-rata ta’ inflazzjoni kienet ta’ 5.6 fil-mija.  Dań ifisser tnaqqis ta’ 0.6 fil-mija fuq ix-xahar ta’ qabel. Il-previżjonijiet huma li l-inflazzjoni se tkompli tonqos fix-xhur li ġejjin, fejn it-tama hi li għall-bidu tas-sena li ġejja ir-rata ta’ inflazzjoni terġa’ tkun fil-livell aċċettabbli ta’ 3 fil-mija. 

Nemmnu li ma nistgħux nikkuntentaw biss li r-rata ta’ inflazzjoni tinsab nieżla. Matul ix-xhur li għaddej, u dawn ilu għaddew sa mill-bidu tas-sena li għaddiet, rajna l-prezzijiet jogħlew b’mod sostanzjali.  L-iskuża dejjem kienet il-gwerra fl-Ukrajna. M’hemm ebda dubju li l-invażjoni Russa li wasslet għal gwerra fl-Ukrajna affettwaw bil-kbir il-provvisti ta’ ħafna materja prima. Wieħed jifhem li ċerti prodotti li jiġu minn din in-naħa tad-dinja kienu se jogħlew fil-prezz.

Ġara imma li madwar id-dinja u anke f’pajjiżna kien hemm min ħa vantaġġ tas-sitwazzjoni. Qegħdin nirreferu għal dawk il-kumpaniji, li żiedu l-prezzijiet biex ikabbru l-profitti. Sabu l-iskuża tal-gwerra komda. Illum hu fatt magħruf u dan hu anke ikkonfermat minn diversi rapporti li inħarġu, li kien hawn kumpaniji li fl-aħħar sena żiedu bil-kbir il-profitti fuq is-snin ta’  qabel. Il-profitti ma żdidux għax żdiedet il-produzzjoni ta’ dak li jimmanifatturaw. Il-profitti żdiedu sempliċiment għax żdiedu l-prezzijiet. 

Dań seħħ f’pajjiżna ukoll. Il-mistoqsija tagħna hi waħda leġittima. Hu ġust li metą kellek ħafna nies qegħdin ibatu minn inflazzjoni qawwija, u meta l-pajjiż kellu jilqa’ għal dan b’diversi modi, kellna kumpaniji li f’dan l-istess żmien żieda l-profitt b’mod sostanzjali. Nemmnu li dan ma kienx qliegħ ġust. Nemmnu li din hi sitwazzjoni li għandha tiġi investigata biex jiġi stabbilit liema huma dawk is-settur li għamlu profitti sostanzjali f’dan iż-żmien diffiċli.

La darba dan ikun stabbilit nemmnu li imbagħad il-pajjiż jista jindirizza din is-sitwazzjoni billi jara li dawn in-negozji  ikunu intaxxati fuq dak l-ammont ta’ profitti żejda li jkunu għamlu. Profitti li saru mhux għax kellhom żieda fil-bejgħ jew għax żdiditilhom id-domanda, imma għax sempliċiment imxew mal-kurrent u għollew il-prodotti.

Wieħed irid jirrimarka li l-inflazzjoni f’pajjiżna hi ferm inqas minn dik li qed jesperjenzaw il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Din hi dovuta għall-fatt li l-prezz tal-enerġija u fjuwil, kif ukoll ta’ xi materji primi, qed jinżamm stabbli permezz ta’ sussidji min-naħa tal-Gvern. Għal dawn is-sussidji hemm prezz. Hu minnu li dawn is-sussidji  qed iżommu l-inflazzjoni f’pajjiżna f’livelli iktar baxxi minn dak li qed jesperjenzaw fl-Unjoni Ewropea. Dawn is-sussidji, li jfissru ħruġ ta’ flus mill-Gvern u li jinvolvu miljuni ta’ Ewro, qed iwasslu biex l-irkupru fil-finanzi pubbliċi mistenni wara t-tmiem tal-għajnuniet relatati mal-pandemija qed ikun anqas minn dak previst. Madanakollu, meta wieħed iħares jejn il-komponenti l-oħra tal-indici tal-prezzijiet, jigifieri, ikel, prodotti ohra industrijali barra dawk ta l-energija, u servizzi, dawn qed juru inflazzjoni li hi madwar jew ftit aktar mill-medja tal-Unjoni  Ewropea. 

Nemmnu f’interventi aktar b’saħħithom mill-awtoritajiet biex jiġi stabbilit  min f’pajjiżna kien qed jabbuża fejn jidħlu l-prezzijiet u l-profitti. La darba jiġi stabbilit dan, l-Istat jista’ faċilment jieħu miżuri biex jintaxxa dawk il-profitti.

Mhux biss jintaxxa imma wieħed jinvestiga ukoll il-prezzijiet b’mod partikolari fejn għolew sostanzjalment u sa issa baqgħu ma rritornawx għal livelli li kienu.

Sport