Nancy Pelosi, li mexxiet lid-Demokratiċi fil-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti għal kważi għoxrin sena, ħabbret li mhux se tkompli bħala Speaker tal-Kungress Amerikan.
Pelosi, ta’ 82, sena hija l-aktar membru tal-partit Demokratiku b’saħħitha fil-Kungress Amerikan u hija wkoll l-ewwel mara li serviet bħala Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Minkejja li se titlaq mill-kariga mportanti u nfluwenti tagħha, hija se tkompli tirrappreżenta d-distrett tagħha ta’ California.
Ir-riżenja ta’ Pelosi ġiet hekk kif ir-Repubblikani jidhru li rebħu lura b’marġini minima ħafna l-kontroll tal-Kungress wara l-elezzjonijiet ta’ nofs it-terminu li għadhom kif saru. Ir-Repubblikan Kevin McCarthy rebaħ in-nomina tal-partit tiegħu biex ikun l-iSpeaker fil-Kungress il-ġdid u b’hekk jieħu post Nancy Pelosi.
Fi stqarrija fil-Kungress nhar il-Ħamis li għadda, Pelosi ddikjarat li mhux se nfittex l-elezzjoni mill-ġdid għat-tmexxija Demokratika fil-Kungress li jmiss u sostniet li waslet is-siegħa għal ġenerazzjoni ġdida biex tmexxi l-caucus Demokratiku.
Pelosi se sservi fil-kariga sa Jannar 2023 meta l-Kungress il-ġdid jieħu l-forma tiegħu. Hija iżda se tibqa’ żżomm sa Jannar 2025 is-siġġu li rebħet l-ewwel darba fl-1987.
Il-Kungressista ta’ New York Hakeem Jeffries huwa mistenni li jieħu l-ogħla kariga ta’ tmexxija Demokratika fil-Kamra. Jekk jiġri hekk, ikun l-ewwel mexxej iswed fil-Kungress fl-istorja tal-Istati Uniti.
Ix-xogħol tal-Ispeaker tal-Kungress huwa wieħed iddettaljat ħafna fil-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti. Wara l-Viċi-President, l-iSpeaker huwa t-tielet l-iktar persuna b’saħħtu fil-ġerarkija għall-presidenza tal-pajjiż.
L-ispeaker u d-deputati u l-presidenti tal-kumitati jiddeterminaw liema abbozzi ta’ liġi jiġu kkunsidrati u vvutati fuqhom. Huma jistabbilixxu l-aġenda u jiddeċiedu r-regoli li jirregolaw id-dibattitu.
Is-Sinjura Nancy Pelosi saret mexxej tal-oppożizzjoni fil-Kungress fl-2003 ssakemm id-Demokratiċi ħadu l-kontroll tal-Kamra għall-ewwel darba f’aktar minn għaxar snin fl-2006. Hija saret l-ewwel mara li mexxiet partit ewlieni fi kwalunkwe kamra tal-Kungress.
Nancy Pelosi reġgħet saret mexxej tal-minoranza erba’ snin wara.