Raġel ġie kkundannat ħames snin ħabs wara li nstab ħati li wettaq atti sesswali fuq in-neputija tiegħu li kellha inqas minn 15-il sena.
Fil-Qorti ntqal li l-Pulizija kienu ġew informati fl-4 ta’ Ġunju tal-2019 hekk kif kien sar rapport mill-Iskola Sekondarja ta’ Pembroke. Jirriżulta li l-ħaddiema soċjali u anke l-Assistent Kap kienu tkellmu mat-tifla minħabba li kien qiegħed ikollha ħafna attakki ta’ paniku.
Dakinhar, it-tifla qalet li xtaqet ittemm ħajjitha minħabba li n-nannu kien imissha b’mod mhux xieraq u anke kienet qalet kif nannuha kien jgħanaqha minn wara u jmissilha sidirha u l-warrani.
Hekk kif sar ir-rapport kienet infetħet inkjesta maġisterjali fejn anke ġie stabbilit li l-ġenituri tat-tifla kienu qegħdin jagħmlu pressjoni kbira fuqha biex ma titkellimx tant li t-tifla dehret skomda.
In-nannu kien arrestat u anke ammetta kollox. Hu kien tressaq il-Qorti, iżda t-tifla kienet qalet li ma riditx tixhed għax ma xtaqitx tiftaħ il-feriti u tgħaddi minn trawma oħra waqt li żiedet li ħafritlu.
Fil-proċeduri xehdu wkoll uffiċjali tal-Pulizija li nvestigaw dan il-każ u anke ħaddiema soċjali, għalliema u psikologa li lkoll tkellmu dwar dak li stqarret magħhom it-tifla.
Wara li semgħet ix-xhieda kollha, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit emmnet il-verżjoni tat-tifla u sabet lill-akkużat ħati li wettaq atti sesswali fuq in-neputija.
Il-Qorti qalet li r-raġel ma kien wera l-ebda rimors ta’ dak li wettaq. Il-Maġistrat iddeskriviet dan il-każ bħala “reat ikrah ta’ natura sesswali fuq tifla minorenni li bijoloġikament hija n-neputija tiegħu u r-responsabbiltà li jindukraha hija ferm kbira”.
Il-Maġistrat Stafrace Zammit qalet ukoll li għalkemm il-ġenituri tat-tifla ma skreditawx lil binthom dejjem insistew li qatt ma raw għajn ħażina fih.
Il-Qorti wara li sabet lill-imputat ħati kundannatu 5 snin ħabs u poġġietu taħt ordni ta’ probation għal 4 snin waqt li ħarġet ordni ta’ trażżin għal 3 snin u ordnat li ismu jitniżżel fir-reġistru ta’ dawk li jabbużaw mill-minorenni.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Avukati Angele Vella u Danika Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Roxanne Tabone.

