L-istqarrija dwar mijiet ta’ miljuni f’investiment barrani fl-ekonomija Maltija ġiet ikkonfermata u vvalidata.
Waqt il-laqgħa għall-kontijiet pubbliċi, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur Ġenerali (NAO) iddikjara li l-impatt ekonomiku pożittiv tal-produzzjonijiet tal-films f’Malta huwa “probabbilment iktar” minn dak li ġie stmat mill-Malta Film Commission (MFC) fir-rapporti ekonomiċi li ppubblikat.
Dan ifisser konferma mill-NAO li pajjiżna ġab investiment barrani ta’ mijiet ta’ miljuni ta’ ewro permezz tal-inċentivi tal-cash rebate tal-Malta Film Commission.
Dan il-valur ipoġġi l-industrija tal-films bħala waħda mill-industriji ewlenin tat-tkabbir ekonomiku rekord li Malta kisbet fl-aħħar snin.
Din ix-xejjen għalkollox il-ħafna dubji li tqajmu mill-Partit Nazzjonalista fuq il-korrettezza ta’ dawn l-istudji.
L-NAO qal li l-Malta Film Commission adottat approċċ konservattiv meta kienet qed tivvaluta l-impatt ekonomiku tal-films f’Malta.
Skont l-NAO, il-kalkoli tal-Malta Film Commission dwar il-kontribut ekonomiku tas-settur kienu kawti, u għalhekk hemm possibbiltà li l-benefiċċju reali fuq l-ekonomija jkun akbar u li l-investiment tal-kumpaniji barranin tal-films fuq servizzi lokali, akkomodazzjoni, u talent Malti setgħa kien sottovalutat fid-dokumentazzjoni uffiċjali tal-Malta Film Commission.