Saturday, March 15, 2025

Napoli b’ċans tajjeb li jitilgħu fil-quċċata?

Aqra wkoll

Meta tintlagħab id-29 ġurnata tas-Serie A, Napoli għandhom iċ-ċans li jitilgħu fl-ewwel post jekk huma jegħlbu lil Venezia  hekk kif il-leaders Inter imorru jilagħbu għand Atalanta f’dik li hija meqjusa bħala partita mill-aktar diffiċli. 

Atalanta v Inter – Bla dub­ju, din hija l-iktar partita mistennija bejn żewġ timijiet li bħalissa għaddejjin minn forma mill-aqwa.

Atalanta ġejjin minn reb­ħa kbira ta’ 4-0 barra minn darhom kontra Juventus biex saħħew it-tielet post fil-klassifika. 

F’din ir-rebħa, Ademola Lookman, skorja l-50 goal tiegħu fil-kampjonat Taljan. 

Il-Bergamaschi jibdew b’vantaġġ psikoloġiku min­ħabba li se jilagħbu qud­diem il-partitarji tagħhom stess. 

Il-pressjoni tinsab kollha fuq in-Nerazzurri u xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom, kon­xji mill-fatt li Napoli għandhom partita meqjusa bħala faċli għand Venezia. 

Barra minn hekk, huma ġejjin minn partita “żejda” valida mill-UEFA Cham­pions League kontra Feyenoord.

Rebħa għal Atalanta tkun tfisser li jilħqu lil Inter u jiftħu beraħ l-isfida għar-rebħ tat-titlu. 

Venezia v Napoli– Napoli jmorru għand it-team li jinsab fil-post ta’ qabel l-aħħar u fil-periklu tar-re­legazzjoni. 

Il-Partenopei, filwaqt li jittamaw li Inter iwaqqgħu l-punti kontra Atalanta, hija prijoritá għalihom li jo­ħorġu bit-tliet punti. 

Napoli ġejjin minn rebħa ta’ 2-1 fuq Fiorentina li kienet l-ewwel waħda fl-aħ­ħar sitt partiti … biex b’kollox fallew 11-il punt. 

Għaldaqstant dan huwa l-mument biex jirritornaw għall-aqwa forma possibbli hekk kif jidher li l-isfida għar-rebħ tat-titlu se tkun waħda missielta.

Fiorentina v Juventus – Trawmatizzati mill-umiljazzjoni kontra Atalanta, Juventus immorru għand Fiorentina f’liema partita ma jistgħux ifallu minħabba li jistgħu jiġu maqbuża fir-raba’ post tal-klassifika … li jfisser il-biljett għall- UEFA Champions League. 

Bl-istaġun għal kollox mitmum għall-Bianconeri, huma se jaffrontaw team li għandu bżonn il-punti biex jikkwalifika f’kompetizzjoni Ewropea … minbarra li teżisti rivalitá antika partikolari bejn dawn iż-żewġ timijiet. 

Telfa għal Juventus tkun tfisser pressjoni akbar fuq il-coach, Thiago Motta, li fi tmiem l-istaġun jista’ sa­ħansitra jitkeċċa jekk ma jintlaħaqx l-objettiv ewlie­ni tal-club  li jikkwa­lifika għall-UEFA Cham­pions Lea­gue.  

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport