Napoli huma ċ-champions Taljani għar-raba’ darba fl-istorja meta, fl-aħħar partita tagħhom tas-Serie A liema partita ntlagħbet tard il-Ġimgħa filgħaxija, għelbu lil Cagliari bl-iskor ta’ 2-0. Min-naħa l-oħra kienet inutli r-rebħa ta’ Inter barra minn darhom bl-istess skor kontra Como hekk kif temmew punt taħt il-Partenopei.
Napoli v Cagliari – Scott McTominay u Romelu Lukaku kienu l-protagonisti meta skorjaw iż-żewġ goals biex taw lil Napoli r-rebħa li kellhom bżonn biex ġew inkurunati champions għat-tieni darba fi tliet snin u r-raba’ fl-istorja tal-club.
It-team immexxi mill-coach, Antonio Conte, iddomina din il-partita iżda kellu jistenna sat-42 minuta biex fetaħ l-iskor b’goal mill-isbaħ ta’ McTominay b’nofs rovexxjata.
Imbagħad, fil-51 minuta, Lukaku għeleb in-nasba tal-offside u b’ġirja min-nofs il-ground sammar il-ballun fir-rokna tax-xibka u xeħet lill-belt ta’ Napli f’festa hekk kif damu jiċċelebraw sas-sebħ tal-bieraħ filgħodu.
Ta’ min isemmi li Conte ġie vvutat bħala l-Aqwa Coach tal-Istaġun filwaqt li McTominay huwa l-Player tas-Sena tas-Serie A … hekk kif huwa flimkien ma’ Billy Gilmour saru l-ewwel żewġ Skoċċiżi f’120 sena li rebħu l-kampjonat Taljan’
Como v Inter – Inter marru għand Como u ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0. Il-goals waslu wieħed f’kull taqsima minn Stefan de Vrij (2-0) u Joaquin Correa (51) filwaqt li fil-45 minuta, Pepe Reina, intwera l-karta l-ħamra wara li kkommetta foul professjonali.
Peró, minkejja din ir-rebħa, in-Nerazzurri kienu diżappuntati li ma rebħux l-kampjonat.