Tuesday, November 26, 2024

“Nappella biex bħala pajjiż nitgħallmu nħarsu lil hinn mill-pika politika”

– il-President Vella fl-okkażjoni ta’ Jum ir-Repubblika f’Għawdex

Aqra wkoll

Fl-okkażjoni ta’ Jum ir-Repubblika f’Għawdex, il-President ta’ Malta, George Vella, tenna l-appell biex bħala pajjiż nitgħallmu nħarsu lil hinn mill-pika politika, inkella se jibda jeħel il-pajjiż. Huwa qal dan ukoll fl-isfond li l-pajjiż jinsab tliet xhur u nofs mill-ħatra ta’ President tar-Repubblika li jmiss.

Fl-aħħar diskors tiegħu f’din l-okkażjoni, il-President Vella qasam il-ħsibijiet tiegħu dwar il-ġejjieni, u l-isfidi u l-opportunitajiet li l-poplu Malti u Għawdxi, speċjalment iż-żgħażagħ, ser ikun qed jindirizza fiż-żmien li ġej. Il-President tenna l-fiduċja tiegħu fil-Maltin u l-Għawdxin, li bl-għaqal u l-kapaċitajiet, dejjem kisbu riżultati u laħqu miljiet importanti.

“Żbaljat, min jaħseb li f’pajjiżna ma fadal xejn tajjeb, ma fadalx nies integri, ma fadalx nies kompetenti, u ħadd ma huwa affidabbli, u li aħna xi poplu mifrud. Dejjem hemm x’jista’ jitjieb,” stqarr il-President, waqt li rrefera għall-ostakli li ltaqa’ magħhom biex imexxi ’l quddiem il-proċess tal-Konvenzjoni dwar it-tibdil mixtieq fil-Kostituzzjoni.

Il-President Vella rrifletta fuq l-irwol ta’ president li jiddependi mill-kooperazzjoni ta’ ħafna entitajiet. “Il-President waħdu ma jagħmel xejn u nittama bis-sħiħ li min se jiġi warajja jsib sostenn u appoġġ biex jintlaħqu l-miljiet kollha possibbli”, stqarr il-President. Qal li l-isfidi żgur li mhux ser jonqsu, u għalhekk l-edukazzjoni hija l-aqwa investiment li qatt nistgħu nagħmlu fil-ġenerazzjonijiet li telgħin.

“Jien nieħu gost nara ħafna żgħażagħ fil-ħajja politika”, qal il-president waqt li esprima tħassib li ħafna talent qed jitgerrex minħabba l-mod partiġġan estrem li bih qed titmexxa l-politika. Għaldaqstant wissa li wasal iż-żmien li nibdew ngħallmu x’inhi u xi tfisser il-politika bħala arti u bħala xjenza, mgħallma bħala suġġett ma’ suġġetti oħra li jgħinu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna.

B’referenza għar-realtà xejn sabiħa fil-viċinat immedjat tagħna, il-President Vella qal li l-istatus newtrali ta’ Malta ma fixkilx biex pajjiżna ħadem kif ħadem u ta kontribut mhux żgħir fiż-żewġ ċirkostanzi inkwetanti ħafna li esperjenzajna u għadna għaddejjin minnhom; l-invażjoni għall-ebda raġuni tal-Ukrajna mir-Russja, u l-ġlied li għaddej bejn Iżrael u l-Ħamas.

Il-President tenna l-kundanna bla ebda riżerva għall-qtil ta’ nies innoċenti, jagħmlu min jagħmlu, u għamel talba sinċiera biex min bħalissa għandu s-saħħa f’idejh, iwaqqaf il-massakru li għaddej ta’ nies innoċenti, b’mod partikolari tfal.

Fi tmiem id-diskors il-President stieden lill-Għawdxin biex jingħaqdu miegħu nhar L-Istrina, l-għada tal-Milied, waqt li se jkun qed iżur Għawdex.

Id-49 anniversarju minn meta Malta saret Repubblika ġie ċċelebrat f’Għawdex ilbieraħ filgħaxija b’kunċert, li ntemm bid-diskors mill-President George Vella. Il-kunċert mill-Banda Ċittadina Leone tar-Rabat Għawdex sar fi Pjazza Indipendenza u ġie organizzat mill-Kumitat Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Reġjonali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.

Sport