Davina Sammut Hili twieldet fis-6 ta’ Lulju 1986 u hi bint Christopher Sammut u Alexandra Sammut nee Hili. Hi gradwat mill-Universitá ta’ Sunderland fil-Business Management kif ukoll għandha Masters fil-Managment with Finance mill-Universitá ta’ Chester fl-Ingilterra. Hi ħadmet għal madwar għaxar snin ma’ bank lokali kif ukoll okkupat il-kariga ta’ uffiċjal għall-fondi tal-Unjoni Ewropea fid-dipartiment tal-biedja u s-sajd.
Forsi ħafna jafu lil Davina bħala tifla Furjaniża li minn dejjem ħabbet dan il-lokal bix-xewqa li dejjem tarah aħjar. Ilha nvoluta fil-kunsill lokali tal-Floriana għal dawn l-aħħar tlettax-il sena fejn wara li għamlet ħames snin bħala kunsilliera, sa mill-2015 tokkupa r-rwol ta’ sindku.
Hi dejjem kienet attiva mhux biss fil-politika iżda wkoll fuq il-mezzi tax-xandir fejn ta’ 14-il sena ngħaqdet mat-Tim Qawsalla fuq l-istazzjoni ONE. Għandha għal qalbha l-isport tant li għal dawn l-aħħar 17-il sena taħdem fit-Taqsima Sport tal-istess stazzjon fejn barra li taqra l-aħbarijiet sportivi tikkontribwixxi f’diversi produzzjonijiet oħra.
Talk.mt ltaqgħet ma’ Davina Sammut Hili li wara li għamlet il-grad fuq livell lokali, lesta li tmur lil hinn minn hekk tant li se tkun kandidata għall-elezzjoni ġenerali f’isem il-Partit Laburista.
Semmejna ma’ Davina l-fatt li ilha tmien snin tmexxi l-kunsill lokali tal-Furjana. X’impatt kellu dan il-fattur fuq ħajjitha?
“L-ewwelnett hu ta’ unur kbir għalija li mmexxi l-lokalita’ li twelidt fiha. Narah bħala privileġġ li l-post li tant ili nħobb sa minn meta kont għadni tifla qed narah isir dejjem isbaħ u aħjar. Hu ta’ sodisfazzjon immens li flimkien bħala kunsill lokali qed nieħdu deċiżjonijiet li bihom qed intejbu l-ħajja tan-nies.”
Davina Sammut Hili tgħid li n-nies Furjaniżi u dawk li mhumiex mal-ewwel tawha s-sapport u l-inkoraġġiment kollu meħtieġ u dan taha kuraġġ kbir sabiex tibqa’ għaddejja f’din il-karriera politika li kif qalet hi qed tużaha sabiex tkompli sservi lin-nies.
Hi tgħid li f’dawn l-aħħar snin ix-xogħol fil-lokalita’ ma qata’ xejn tant li kien hemm rinnovar kbir f’diversi ġonna li tant hija miżgħuda biha l-Furjana fosthom Ġnien Re Ġorġ V magħruf bħala l-bandli u anke l-Mall. Ma’ dawn hi żżid ukoll Ġnien l-Argotti u Ġnien San Filippu li wkoll ġew investiti numru ta’ ewro fuqhom. Hi tirrikonoxxi wkoll ix-xogħol li sar mill-gvern u minn Infrastructure Malta sabiex din il-lokalita’ tkun dejjem isbaħ u aħjar. Fl-istess waqt kien hemm rinnovar u bini mill-ġdid ta’ 16-il triq residenzjali.
“In-nies tawni l-fiduċja meta eleġġewni u jien bħala kunsilliera u aktar tard bħala sindku dejjem irrid nara li nroddilhom lura kemm jista’ jkun. Dawn huma l-prinċipji tiegħi u onorata u kburija li nħaddanhom.”
Issa Sammut Hili se tkun qed tagħmel qabża kbira hekk kif minn politika lokali se tmur għal dik nazzjonali. X’kienet ir-raġuni għala waslet għal din id-deċiżjoni?
“Jien ngħid li din kienet deċiżjoni naturali minħabba li wara 13-il sena fl-ambitu tal-kunsill lokali, illum il-ġurnata nħoss li nista’ nagħti aktar fuq livell nazzjonali. Jien trabbejt tista’ tgħid sa minn meta kont tifla b’ommi li kienet involuta mhux ftit fil-politika u għalhekk il-fatt li nservi lill-Partit Laburista u narah dejjem jissaħħaħ hi xi ħaġa għal qalbi ħafna.”
“Tista’ tgħid li dan kellu jkun il-pass li jmiss anke għax il-kuntatt man-nies ma qata’ qatt u jien dejjem nisħaq li bħala politiku trid tisma’, tevalwa u taħdem. Jekk wieħed jimxi ma’ dan il-prinċipju tista’ tgħid li tkun qed taqdi dmirek mill-aħjar li tista’.”
Sammut Hili tgħid li ommha kienet ħeġġitha taqbad din it-triq għalkemm tammetti li sa minn meta kellha 16-il sena hi kienet attiva diġa’ bħala segretarja tal-kumitat tan-nisa Laburisti tal-Furjana. Kienet ukoll diġa’ membru attiv fi ħdan il-grupp taż-żgħażagħ tal-Partit Laburista u dan kollu kompla jixprunaha sabiex iżżid aktar il-ħiliet tagħha f’dan il-qasam. Meta hi ħarġet bħala kandidata fil-Kunsill Lokali u ġiet eletta, hi fissret dan kollu bħala unur u privileġġ aktar u aktar għax qed taqdi l-ħtiġijiet u l-bżonnijiet tar-residenti Furjaniżi. Fl-istess waqt hi tħossha kburija li qed tara l-lokalita’ fejn trabbiet u kibret ikompli jiżviluppa dejjem aktar.
Is-sindku Furjaniża u kandidata futura mal-Partit Laburista tenniet li l-politiku qiegħed hemm biex iservi.
“Il-politiku jrid ikun lest li jagħmel id-differenza man-nies. Dan hi l-istess ideoloġija li jħaddan il-Partit Laburista għax nistgħu niddeskrivuh li hu tan-nies u għalhekk li fiduċjuża li fl-elezzjoni ġenerali li jmiss se jkun qed jeleġġi gvern Laburista.”
Iżda jekk nitkellmu dwar il-lat personali, Davina kif jirnexxielha tlaħħaq ma’ dawn l-affarijiet kollha li għandha f’ħajjitha?
“L-ewwel u qabel kollox trid tqassam ħinek u l-ġurnata tiegħek sew. Jekk tagħmel hekk żgur li se tlaħħaq tagħmel dak li għandek ippjanat.”
Hi kellha kliem ta’ tifħir għall-familjari tagħha u anke għall-ħbieb li tant jgħinuha u jtuha l-kuraġġ kollu meħtieġ.
Meta saqsejniha dwar kif taħseb li se jkun il-futur tagħha ġaladarba tiġi eletta, hi kienet skjetta fejn qalet li tixtieq tibqa’ Davina Sammut Hili li dejjem kienet iġifieri li tkun viċin in-nies filwaqt li tisma’, tevalwa u twettaq dak li jkun hemm bżonn. Hi tixtieq tħalli dan it-timbru fil-karriera politika tagħha sabiex in-nies jibqgħu jiftakruha għall-ġid li tkun għamlet.
Finalment erġajna tkellimna dwar il-Partit Laburista li tant qed ikompli jiġġedded anke b’riformi soċjali li saru f’dawn l-aħħar snin u li jirriflettu s-soċjeta’ Maltija kontemporanja. Hi tgħid li Malta bħala pajjiż dejjem tipprova timxi ‘l quddiem b’dawn l-istess riformi sabiex is-saħħa, l-ekonomija u x-xogħol ikomplu jiżdiedu. Fuq kollox, wara xhur ta’ inċertezza minħabba l-pandemija tal-COVID-19, il-gvern qed ikompli jiġġenera aktar pożittivita’ sabiex il-pajjiż ikompli miexi dejjem aktar ‘il quddiem.
Madankollu Davina Sammut Hili kellha messaġġ partikolari għal dawk it-tfajliet u n-nisa li għandhom għal qalbhom il-politika.
“Nappella lil dawk in-nisa li jħobbu l-politika sabiex jingħaqdu magħna u jipparteċipaw. Il-politika ttik ħafna lura speċjalment is-sodisfazzjon li tara lin-nies bi tbissima fuq fommhom wara li tkun servejthom u għamilt dak kollu possibbli sabiex tagħmlilhom ħajjithom aħjar.”