Minn Cristian Muscat
Brian Cini reġa’ ġie nkurunat champion tas-Snooker lokali li wara li għeleb lil Aaron Busuttil li kien rebaħ iż-żewġ edizzjonijiet preċedenti kontra Cini stess. Din kienet il-ħames darba’ Brian Cini sar iċ-champion lokali tas-Snooker u kienet ukoll il-ħames finali bejn dawn it-tnejn li mingħajr l-ebda dubju huma l-aqwa żewġ plejers f’dan l-isport f’dawn l-aħħar snin.
Din il-finali mill-ewwel bdiet bi frame mill-aqwa fejn Busuttil wettaq break ta’ 55 punt iżda Cini rrisponda bi break ta’ 70 punt u kompla biex rebaħ dan il-frame u anke’ dak ta’ warajh.
Busuttil deher li ser jirkupra ż-żewġ frames żvantaġġ wara li rebaħ it-tielet frame fejn saħansitra għamel l-aqwa break tal-logħba b’107 punti. Fir-raba’ frame huwa waqaf wara break li fihom ippotja tmien ħomor u 55 punt iżda naqas li jiġi f’pożizzjoni komda b’ċans li jġib parita biex Cini reġa ġie b’żewġ frames vantaġġ.
Min hawn ‘il quddiem, minkejja li kważi kull frame kellu punteġġi qrib, Busuttil ma rkuprax u Cini rebaħ it-tliet frames segwenti biex għalaq il-konfront, 6-1 (82-55, 66-52, 26-107, 79-66, 78-33, 79-43 u 71-26)
Wara l-finali l-President tal-Malta Billiards & Snooker Association, Ivan Brincat, ippreżenta t-trofew lil Brian Cini.
Din il-finali tal-Klassi Premier għalqet il-finali tal-kampjonati kollha tal-istaġun 2024/25 li saru fl-aħħar ġranet.
Dan is-sit tkellem ma’ Brian Cini nnifsu fejn tana iktar dettalji:
Il-preparazzjoni għal dan it-tournament ma kinitx waħda faċli. Il- kampjonat huwa wieħed twil – jibda f’Settembru u spiċċa l-ġimgħa l-oħra. Irid ikollok il-ħin biex tipprattika u tibqa’ konsistenti, ħaġa li sfortunatament bħalissa ma għandix. Bejn ix-xogħol full-time u l-familja, mhux faċli nsib il-ħin meħtieġ. Dan is-suċċess ifisser ħafna għalija. Kull finali tkun trid tirbaħha, imma din is-sena ħassejt naqra iktar tensjoni – speċjalment wara li tlift żewġ finali konsekuttivi fis-sentejn li għaddew kontra l-istess avversarju, Aaron Busuttil. Ma rridx innaqqas il-mertu ta’ Aaron – huwa wieħed mill-aqwa plejers li għandna f’pajjiżna. Inkun onest miegħek: żgur li ma stennejtx li nerbaħlu bl-iskor ta’ 6-1.
Kif jaf kulħadd, Aaron huwa ħafna iktar attiv fil-logħba. Ftit tal-jiem ilu kien anke qiegħed jikkompeti barra minn Malta fil-Q School. Kont naf li kelli bżonn bidu tajjeb fil-finali – u rnexxieli: l-ewwel session irnexxieli nerbaħa 3-1. Forsi weħilt ftit biex nagħlaq il-logħba, imma overall kuntent ħafna bil-prestazzjoni tiegħi fil-finali.
Fil-futur ser inkun qed nipprova nagħmel xi tibdil fil-ħajja personali tiegħi, għax għandi x-xewqa li nkompli nżomm il-livell. Biex nagħmel dan, jeħtieġ li niddedika iktar ħin għat-taħriġ. Il-logħba għadha togħġobni ħafna u għadni nħobbha, iżda xi kultant inħoss li qed nitlef dik l-imħabba minħabba n-nuqqas ta’ ħin li fadalli għaliha. Għalhekk, nappella lill-awtoritajiet biex joffru l-għajnuna tagħhom sabiex inkun nista’ nkompli nagħti prestazzjonijiet tajbin u nġib iktar unuri għal pajjiżna.