Saturday, December 21, 2024

“Nappoġġjaw l-innovazzjoni favur kummerċ riżultat ta’ operat sostenibbli” – Il-Prim Ministru

Aqra wkoll

Fl-inawgurazzjoni tal-ewwel koperattiva tat-tonn bejn Malta u ċ-Ċina, il-Prim Ministru Robert Abela nnota s-sens ta’ innovazzjoni fis-settur tal-akwakultura biex in-negozju Malti jimraħ fi swieq kbar, fosthom fiċ-Ċina.

Quddiem realtà li pajjiżna qed ikompli jesporta tonn ta’ kwalità, il-Prim Ministru saħaq fuq l-ogħla standards. Fil-fatt, l-ewwel konsenja ta’ tonn mkabbar f’Malta għaċ-Ċina ġiet mgħoddija f’Settembru ta’ din is-sena. Dan anke wara ħidma kbira sabiex jiġi assigurat li l-prodott Malti jkun konformi ma’ standards Ewropej u internazzjonali flimkien ma’ regoli ambjentali stabbiliti.

Dr Abela nnota wkoll kif tnieda wkoll proċess simili ta’ esportazzjoni b’rabta ma’ prodotti oħra relatati mal-ħut. Dan jorbot perfettament mal-impenn tal-Gvern li jippromwovi ekonomija ċirkolari u jnaqqas kemm jista’ il-ħela tal-ikel. Hawn fil-fatt Dr Abela aċċenna dwar l-importanza ta’ operat sostenibbli li l-Gvern jappoġġja bi sħiħ.

Il-Prim Ministru Robert Abela awgura li din is-sħubija bejn pajjiżna u ċ-Ċina, irrapreżentata minn Malta Fish Farming u l-grupp Shandong Marine tkun suċċess. Il-Prim Ministru spjega kif din is-sħubija hi eżempju ta’ kif bl-innovazzjoni nistgħu nkabbru l-kummerċ u l-koperazzjoni bejn pajjiżi differenti.

“Din il-pjattaforma ta’ koperazzjoni tissimbolizza mhux biss kollaborazzjoni ekonomika imma s-saħħa tar-rabtiet bejn Malta u ċ-Ċina. Flimkien inħarsu ’l quddiem għal futur mimli opportunitajiet, prosperità u aktar kollaborazzjonijiet,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Ekonomija

Sport