Saturday, May 4, 2024

NAPPREZZAW U NIBŻGĦU GĦAL DAK LI HUWA TAGĦNA

Aqra wkoll

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet ittellgħet it-tieni edizzjoni tal-AgriFair, l-akbar wirja agrikola li tittella’ f’pajjiżna. Wirja li kienet mifruxa fuq tlett ijiem li fiha bosta bdiewa, raħħala u sajjieda Maltin setgħu jesebixxu parti mill-ħidma tagħhom ta’ kuljum biex iwasslulna l-aħjar prodotti.

Ninnutaw li l-familji Maltin u Għawdxin kienu għatxana għal wirja bħal dan fejn setgħu jaraw x-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema u l-prodott lokali.
Mhix xi ħaġa komuni li t-tfal tagħna jkollhom l-opportunità li jaraw mill-qrib u xi drabi anke jmissu l-annimali li jitrabbew fl-irziezet lokali. Insemmu t-tfal għaliex sa minn meta konna żgħar, kull wieħed u waħda minnha żgur mhux forsi li ngħata tagħlim dwar l-importanza li tal-ikel bnin li jgħin sabiex dak li jkun jibqa’ b’saħħtu.

Sfortunatament bħal kull settur, dejjem ikun hemm ir-riskju li jekk ma noqogħdux attenti jaf nitilfu dan kollu. Dan għaliex in-numri jitkellmu waħidhom u minkejja skemi ta’ għajnuna fosthom dik tal-Young Farmers li qiegħda tattira iktar żgħażagħ lejn dan ix-xogħol għad hemm affarijiet li qegħdin igerrxu lin-nies mis-settur.

Għalkemm mhux l-ewwel darba li smajna dwar l-isfidi kbar li jaffaċċjaw in-nies f’dan is-settur, forsi ħafna minna ma jemmnux li fis-snin li ġejjin tista’ tkun diffiċli li nżommu dak li hu tagħna. Numri fl-Unjoni Ewropea kollha juru li l-età medja tar-raħħala qiegħda tkompli tiżdied. Dan jikkonferma li huma dawk li jagħżlu li jibqgħu fis-settur anke wara l-età tal-irtirar li qegħdin iżommuh.

L-elementi, il-ħinijiet twal u tbatijiet oħra huma fost l-aktar li jinkwetaw lil dawn il-bdiewa u r-raħħala tagħna. Iżda meta jitkellmu dwar l-akbar preokupazzjoni tagħhom hija gambetti bla bżonn f’ċirku li sippost jiġbed ħabel wieħed għal ġid komuni. Jitkellmu dwar fondi li jiċċaħdu minnhom intortament fuq żbalji ġenwini. Żball ta’ kaligrafija jew miżinterpretazzjoni ta’ numri jew dati fin-notifika li minħabba fihom jiġu sanzjonati eluf ta’ ewro. It-theddid li jitilfu sussidji li mingħajrhom ċertament ma jkampawx mal-isfida tal-ispejjeż kbar fil-ħidma tagħhom hija weġgħa aktar milli tħassib.

Nemmnu li jekk insaħħu dan is-settur, billi fost l-oħrajn ngħinu lil dawn in-nies u nippromwovu x-xogħol tagħhom, se nkunu qegħdin nibbenefikaw minn garanzija li nibqgħu nsibu l-prodott frisk u lokali. Nemmnu li l-wegħda li dawn in-nies jibqgħu jiġu megħjuna biex l-AgriFair li jmiss tkun waħda ta’ livell superjuri tista’ sseħħ billi l-partijiet kollha f’dan is-settur jiġbdu ħabel wieħed għax fejn hemm l-għaqda hemm is-saħħa… jekk ma jkunx hemm l-għaqda, ikun hemm dgħufija.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport