Sunday, December 22, 2024

NAQDFU FLIMKIEN BIEX NINGRANAW FIT-TURIŻMU

Aqra wkoll

Wieħed mis-setturi l-aktar milqutin u li jaffettwa bil-kbir ir-rota ekonomika ta’ pajjiżna huwa s-settur turistiku. L-awtoritajiet Maltin ħadu d-deċiżjonijiet u fost dawn kienu dawk li relatati mal-ivjaġġar u l-ajruport. Sa mill-aħħar jiem ta’ Frar 2020, ittieħdet id-deċiżjoni li dawk li jidħlu minn pajjiżi bħalma kienu l-Italja, iċ-Ċina, Hong Kong u l-Ġappun fost l-oħrajn kellhom jagħmlu kwarantina obbligatorja. Fis-7 ta’ Marzu ġie rreġistrat l-ewwel każ f’pajjiżna u mill-għada ġew sospiżi titjiriet minn u lejn Milan. Jumejn wara dawn ġew estiżi għat-titjiriet kollha minn u lejn l-Italja. Dawn is-sospensjonijiet baqgħu jiżdiedu sakemm fit-13 ta’ Marzu kellna l-għeluq sħiħ tal-ajruport li dam ma jara lil ħadd sal-ewwel ta’ Lulju. Ir-restrizzjonijiet baqgħu jidħlu bħala miżura ta’ prekawzjoni, iżda aktar kemm beda jgerbeb iż-żmien, komplew jittieħdu d-deċiżjonijiet.

Minkejja pressjoni kontinwa biex pajjiżna jerġa’ jagħlaq u jaċċetta l-fatt li l-lockdown kien is-soluzzjoni, il-gvern ħadem mod ieħor. Żdied il-moniteraġġ fl-ajruport, żdiedu r-restrizzjonijiet, iżda l-pjan imfassal kien jinkludi l-t-turisti jibqgħu jagħżlu lil pajjiżna. Xhieda ta’ dan kienu inċentivi li tħabbru fix-xhur ta’ wara fosthom €1 miljun fi skema ta’ vouchers sofor t’€10 għal kull lejl li t-turisti li jistudjaw l-Ingliż jqattgħu f’pajjiżna, rifużjoni fuq il-ħlas ta’ akkomodazzjoni f’lukandi u anke voucher ta’ €100 għall-għaddasa li xtaqu jogħdsu u jgawdu l-ibħra Maltin.

Statistika maħruġa din il-ġimgħa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika wriet li t-turisti li waslu f’pajjiżna s-sena li għaddiet kienu jammontaw għal 968,136. Dan ifisser li kien hemm żieda ta’ 47 fil-mija meta kkumparat mas-sena ta’ qabel. Il-medja tal-infiq ta’ kull persuna ras għal ras kienet tammonta għal madwar €899. Dan ifisser li kien hemm żieda meta kkumparat mal-medja tas-sena ta’ qabel li kienet ta’ madwar €691. Minkejja dan, il-figuri juru biċ-ċar li għadna pjuttost lura biex nilħqu l-ammont ta’ turisti li kellna fis-sena 2019. Dan hekk kif fl-2019 kienu reġistrati li żaru pajjiżna kważi t-tripplu ta’ dawk li żaruna fl-2021.

Irriżulta li t-tnaqqis kien l-aktar fost dawk ’il fuq minn 45 sena. Din bla dubju li m’għandha bżonn l-ebda spjegazzjoni minħabba li l-awtoritajiet madwar id-dinja kollha wissew lil nieshom biex jevitaw l-ivjaġġar bħala prekawzjoni.

Fl-aħħar ġimgħat id-DPM Chris Fearne ħabbar li l-gvern għandu pjan ta’ rilaxx tal-miżuri lejn in-normalità u nemmnu li din se tkun il-qadfa li hemm bżonn biex ir-rota tagħna terġa’ tibda taqbad ir-ritmu. Ċertament li hemm bżonn li l-gvern ikompli jaqdef biex pajjiżna jkun jista’ jibqa’ miexi ’l quddiem. Filwaqt li nemmnu li se jkun qiegħed jinjetta aktar għotjiet biex iħajjar lit-turist jagħżel pajjiżna, jeħtieġ li jkompli l-ħidma tiegħu biex pajjiżna jerġa’ jsib postu fil-lista l-ħadra u b’hekk id-dinja tkun tista’ tirrikonoxxi lil pajjiżna kif verament jixraqlu.

Ekonomija

Sport