Tuesday, July 1, 2025

‘Nara din l-esperjenza bħala opportunità biex nibni fuq dak kollu li għamilt u biex inkompli ntejjeb il-prestazzjoni tiegħi’ – Miguel D’Alessandro

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn meta kont żgħir ħafna. Kont inqatta’ sigħat nilgħab mal-kuġini tiegħi, fejn dejjem kien hemm dik l-isfida u l-ispirtu kompetittiv li ħeġġiġni nagħti l-aħjar tiegħi. Fl-istess ħin, missieri kien ukoll influwenza kbira. Hu kien jilgħab fil-Premier, u għalkemm qatt ma ppressani biex nimxi fuq il-passi tiegħu, l-eżempju tiegħu tani l-motivazzjoni biex nelħaq livell bħat-tiegħu. Bdejt napprezza mhux biss il-logħba nnifisha, imma wkoll dak li tfisser: id-dixxiplina, l-ispirtu ta’ tim, u l-emozzjoni li ġġib magħha. U sal-lum, kull darba li nkun fil-grawnd, għadni ngawdi kull mument bħall-ewwel darba.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Tarxien Rainbows FC.
L-esperjenza tiegħi ma’ Tarxien Rainbows FC s’issa kienet waħda pożittiva ħafna. Minn mal-ewwel jum inħassejt milqugħ u parti minn grupp magħqud li għandu għanijiet ċari u ambizzjonijiet kbar. Hemm sens ta’ familja fil-klabb – kemm mill-plejers, il-kumitat kif ukoll mill-kowċis u l-istaff, u dan jagħmilha aktar faċli biex tagħti l-aħjar tiegħek f’kull session u f’kull logħba. Inħoss li hawnhekk għandi l-appoġġ u ambjent twajjeb biex inkompli nikseb aktar u nkompli nitjieb.
Nirringrazzja b’mod speċjali lill-Kowċ Jacques Scerri u lit-Team Manager Dillon Mercieca għall-appoġġ u d-dedikazzjoni tagħhom matul is-sena.

X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara l-kisba tal-promozzjoni minn Tarxien Rainbows FC mill-BOV Challenge League għall-Malta Premier u kif qed tħares lejn l-esperjenza tiegħek fl-ogħla livell tal-futbol Malti?
Naħseb li s-sigriet tas-suċċess wara l-promozzjoni ta’ Tarxien Rainbows FC miċ- Challenge League għall-Malta Premier kienet ħidma iebsa, dedikazzjoni, u spirtu ta’ tim qawwi. Madankollu, diġà għandi esperjenza fil-Malta Premier li tgħinni naffaċċja din il-kompetizzjoni b’mod pożittiv. Nara din l-esperjenza bħala opportunità biex nibni fuq dak kollu li għamilt u biex inkompli ntejjeb il-prestazzjoni tiegħi.

Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek ma’ Sliema Wanderers FC.
L-esperjenza tiegħi ma’ Sliema Wanderers FC kienet waħda importanti ħafna fil-karriera tiegħi. Kien klabb b’istorja u struttura stabbli li tani ċ-ċans nilgħab f’ambjent kompetittiv u b’livell għoli ta’ professjonalità. Tgħallimt ħafna, kemm fil-logħob kif ukoll barra mill-grawnd, u dejjem inżomm tifkira tajba minn dak iż-żmien, kemm għall-mumenti sbieħ mal-plejers u l-kowċis kif ukoll għall-isfidi li għenuni nikber. F’dawk iż-żewġ staġuni rnexxielna nirbħu ċ-Challenge League u l-FA Trophy, li kienu mumenti memorabbli fil-karriera tiegħi.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Naħseb li l-livell tal-futbol Malti fil-preżent qed juri progress pożittiv. Hemm ħafna plejers u klabbs li qed jaħdmu b’mod professjonali u b’ħila kbira li qed tagħti riżultati tajbin. Madankollu, huwa importanti li jkun hemm aktar opportunitajiet għal plejers żgħar biex jiddeċiedu li jkomplu l-iżvilupp tagħhom barra minn Malta, biex ikunu jistgħu jikbru kemm fuq livell personali kif ukoll professjonali. Naturalment, għad hemm x’jinħadem biex inkomplu ntejjbu, speċjalment f’termini ta’ infrastruttura u żvilupp taż-żgħażagħ.

U l-livell tar-riżorsi (grawnds) fejn tilagħbu l-logħob uffiċjali tagħkom?
Fir-rigward tar-riżorsi u l-grawnds fejn nilagħbu l-logħob uffiċjali tagħna, naħseb li s-sitwazzjoni qed titjieb bil-mod il-mod. Il-grawnds li nużaw huma funzjonali u jippermettu li nilagħbu logħob kompetittiv b’mod tajjeb. Madankollu, dejjem hemm post għal titjib, kemm fil-kwalità tal-pitch kif ukoll fil-faċilitajiet għall-plejers u l-udjenza. It-titjib ta’ dawn ir-riżorsi mhux biss jgħin biex nilagħbu aħjar, iżda wkoll jagħti spinta kbira biex noħolqu ambjent aktar professjonali għall-futbol Malti.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol, issa li għadek kemm ġeddidt il-kuntratt tiegħek mar-Rainbows?


Għandi għanjiet ċari biex nitjieb kontinwament, kemm fuq livell tekniku kif ukoll mentali biex nagħti l-aħjar tiegħi għall-klabb u l-komunità kollha li jappoġġjana. Ħerqan biex inkompli nikseb suċċess flimkien mat-tim, kemm fuq il-pitch kif ukoll barra minnu.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-futbol.
Jekk tixtieq tilgħab il-futbol, ibda! Jiena bdejt nilgħab ta’ eta żgħira, iżda bdejt nieħu kollox bis-serjetà minn meta kelli 13-il sena. Importanti li tieħu gost, tkun impenjat, u ma taħrabx mill-isfidi. Il-futbol jista’ jagħtik ħafna ħbieb ġodda, esperjenzi sbieħ, u tagħlim għal ħajtek. L-iktar ħaġa li għandek tiftakar hi li tkun sod u ma taqtax qalbek. Ħu gost u agħti l-aħjar tiegħek f’kollox!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport