Nistaqsuh kif huma diversi dawk il-membri fi ħdan il-Partit Nazzjonalista li huma tal-fehma li l-Partit Nazzjonalista ma jistax ikompli jċedi għall-pressjoni pubblika u jimxi fuq it-triq tan-neo liberaliżumu. Fi kliemhom stess ‘ma nistgħux nogħġbu l-Alla u lix-xitan’. Dawn jemmnu li l-Partit Nazzjonalista għandu jirritorna lejn l-għeruq tiegħu, dawk mibnijin fuq ‘Religio e Patria. Iħossu li l-Partit Nazzjonalista żvaluta l-prinċipji ta’ ‘Religio e Patria’ spiċċa bla ruħ. Lil dawn in-nies x’tgħidilhom? Se tieħu l-Partit Nazzjonalista lejn din it-triq?
Alex iwieġeb li “bla dubju il-prinċipji tal-Partit Nazzjonalista huma essenzjali. U nemmen li llum qegħdin f’punt li rridu nerġgħu nirrevedu u nagħtu ħajja lill-fehmiet bażiċi tal-Partit Nazzjonalista.
Naraw li xorta waħda insaħħu dawk il-valuri li dejjem ħaddan il-Partit Nazzjonalista tul is-snin u li dawk il-fehmiet bażiċi ta’ dawk iż-żminijiet u li r-”Religio e Patria” nadattawhom għall-ġurnata ta’ llum. Jiġifieri, inti f’soċjetà kosmopolitana ta’ llum u kif qed tevolvi ma jfissirx li għandek titlef il-valuri li dejjem ħaddan il-Partit Nazzjonalista imma titgħallem kif għandek tgħajjex dawk il-valuri mar-realtà ta’ llum.
Nemmen li dan irridu nagħmluh bħala Partit Nazzjonalista u li mhux inkunu sieq ’l hawn u sieq ‘l hemm imma inħaddnu l-prinċipji li dejjem kien jemmen fihom il-Partit Nazzjonalista, partit tan-Nazzjon.
Partit li jaħdem għal Malta u Għawdex u dan hu proprju dak li rrid nagħmel jien fi ħdan il-Partit Nazzjonalista jekk il-partitarji ituni t-tmexxija tal-partit Nazzjonalista għall-elezzjoni li jmiss.”