Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn meta kelli erba’ snin u missieri tani l- ewwel ballun tiegħi żgħir taċ-Champions League u bdieli l-ewwel taħriġ personali tiegħi miegħu.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Mosta FC.
L-esperjenza tiegħi ma’ Mosta FC bħalissa hija waħda pożittiva ħafna għaliex qed inkabbar l-esperjenza tiegħi fil-Malta Premier bis-saħħa tal-klabb.
X’tikkummenta fuq dan il-bisu ta’ staġun minn Mosta FC?
Dal-bidu tal-istaġun kien wieħed mhux faċli għalina għaliex bdejna b’riżultati mhux favurina iżda issa ħa niffukaw ħafna fuq dawn l-aħħar ħames finali tal-Bottom 6 biex nipprovaw nevitaw il-play-off għar-relegazzjoni u bla ebda dubju naf li ħa jirnexxielna!
X’tikkummenta fuq il-fatt li fl-aħħar partita kontra Tarxien Rainbows, li fiha ħriġtu rebbieħa bl-iskor minimu ta’ 1-0, ġejt ivvutat bħala l-MVP tal-Partita?
Ninsab kuntent immens li rbaħt l-unur tal-Plaejer tal-Logħba iżda dan it-titlu wasal bl-akbar għajnuna tal-kollegi, kowċis u l-klabb rispettiv tiegħi. Naspira għal iżjed unuri minn dawn fil-futur għaliex dawn jgħinuk timbotta biex tkun dejjem aħjar!
X’tikkummenta fuq il-kowċis Joseph Grech u Mario Muscat?
Il-kowċis dejjem għenuni biex inkun l-aħjar possibli fil-kapaċitajiet tiegħi, afdaw fija u għenuni nikber bħala plejer u persuna inġenerali.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Il-livell tal-futbol Malti dejjem qiegħed jitjieb permezz tal-livell tal-plejers barranin li qed jiġu jilagħbu hawn Malta u dawn qed jixprunaw lill-plejers Maltin biex dejjem ikunu aħjar ħalli jżommu posthom.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Grawnds u riżorsi dejjem qed jitjiebu maż-żmien iżda l-klabb naf li dejjem jagħtina sa fejn jista’.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Il-futur tiegħi f’terminu qasir huwa biex nibqa’ nikber bħala plejer u possibilment insir plejer tat-tim nazzjonali Malti, iżda l-ħolma ta’ meta kont żgħir kienet u tibqa’ li nilgħab barra minn xtutna.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-messaġġ tiegħi huwa li dejjem temmen fik innifsek anke meta l-affarijiet ma jkunux sejrin tajjeb, għaliex jekk ma temminx fik innifsek int, ħadd mhu ħa jemmen fik!

