L-eks Prim Ministru Joseph Muscat irreaġixxa għad-dikjarazzjoni tad-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia meta qal li huwa “tat-tkexkix” li skont hu hemm aktar barranin milli Maltin f’sitt postijiet madwar Malta.
Mingħajr ma daħal fil-mertu tal-istatistika li semma l-Onor. Delia, l-eks Prim Ministru Muscat stqarr li dak li qal id-Deputat Nazzjonalista kien jimmerita tweġiba.
“Dan għaliex,” żied jgħid Dr Muscat, “inkella jiġri bħall-kwistjoni tal-isptarijiet fejn ħadd ma wieġbu u kulħadd induna tard wisq li dak li qal ma kienx minnu. Jien ma nistax ngħid aktar minn hekk għax il-Qorti ma tħallinix.”
L-eks Prim Ministru qal li mill-inqas tliet postijiet li semma, jiġifieri Tas-Sliema, San Ġiljan u San Pawl il-Baħar kienu minn dejjem mekka tal-barranin li jirtiraw jew jiġu jaħdmu f’Malta u jekk wieħed jiċċekkja reġistru elettorali jsib li fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali dejjem kellhom l-ogħla numru ta’ Ingliżi reġistrati f’Malta (li magħhom hemm ftehim reċiproku li jistgħu jivvotaw f’dawn l-elezzjonijiet kif nistgħu aħna f’tagħhom).
Kompla jgħid li “Tas-Sliema u San Ġiljan hemm konċentrazzjoni qawwija tal-komunità tal-gaming f’pajjiżna, persuni li jitħallsu ħafna u li jikkontribwixxu bil-kbir għat-taxxi u n-nefqa fil-pajjiż. It-tip ta’ diskors li uża Dr Delia ma kienx li min qed jisimgħu jaħseb f’dawn in-nies.”
“Li kieku Dr Delia illimita ruħu li jgħid li hemm lokalitajiet fejn sid il-kera jabbuża li jdaħħal aktar nies milli suppost, jew li hawn employers (jien nemmen li minoranza) li jabbużaw minn dawn il-persuni, kien ikollu raġun,” qal Dr Muscat.
Huwa feraħ lill-Ministru Byron Camilleri u lis-Segretarju Parlamentari Andy Ellul li bil-ħidma tagħhom wasslu lill-Assoċjazzjoni tas-Sidien tal-Muturi tal-ikel biex tidħol fi ftehim mal-General Workers’ Union biex tipproteġi lil dawn il-ħaddiema. Huwa feraħ ukoll lill-GWU li mill-ġdid tinsab fuq quddiem biex tiddefendi lil dawk l-aktar vulnerabbli.
“Niskanta kif ħafna li taħsibhom l-akbar Soċjalisti meta taqra l-kitbiet tagħhom fuq is-social media, imma li fil-verità qatt ma ħadmu minuta f’ħajjithom biex jgħinu lill-ħaddiema, ma tniffsux fuq hekk. Kif għadhom ma tniffsux fuq il-frażi “tat-tkexkix” b’referenza għal min mhux Malti u qed igħix fostna.”
L-eks Prim Ministru mbagħad għamel sensiela ta’ mistoqsijiet lill-PN għaliex qal li jassumi li dak li qal Dr Delia hi l-pożizzjoni tal-partit.
“Minn dawn il-barranin “tat-tkexkix” kemm se jkeċċu? U kif se jiddeċiedu lil min se jkeċċu? Tajjeb li employers li llum diġà qed jiffaċċjaw sfida biex isibu ħaddiema jkunu jafu ħalli jaraw x’se jagħmlu.
“Mhux se jħallu iktar kumpaniji tal-gaming jiġu Malta biex tas-Sliema u San Ġiljan ma jibqgħux b’ħafna barranin jew se jġiegħlu xi kumpaniji tal-gaming jitilqu mill-pajjiż?
“Waħda minn kull 5 tal-koppji Maltin li qed jiżżewġu hija magħmula minn Malti jew Maltija miżżewġin barranin. Dawn “tat-tkexkix” ukoll? Se ngħidulhom jitilqu mill-pajjiż? X’se ngħidu lil uliedhom meta tfal oħra jibdew jaqbdu magħhom għaliex issa OK li nbeżżgħu b’dan it-“tkexkix”?”
“U ħudu paċenzja tinsewx dak li għidt li bil-proposta tal-4 day week ikollna bżonn 50,000 barrani ieħor. Propja 60,000 iżda naqqast 10,000 biex nieħu kont tal-effett tat-teknoloġija avolja dubjuż ħafna li l-AI se jkun kapaċi jwasslilna l-pizza d-dar, jaħsel lill-anzjani tagħna fid-djar tal-mistrieħ, jaqdina fir-restoranti u jiġbor l-iskart mit-toroq tagħna.”


