Tuesday, March 3, 2026

Nathan Tabone … il-vjaġġ tiegħu huwa storja ta’ progress u determinazzjoni

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Fost il-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ plejers li qed jagħmlu isimhom fix-xena tal-logħba tradizzjonali tal-boċċi, insibu lil Nathan Tabone, plejer żagħżugħ li b’passi żgħar iżda determinati qed jibni l-karriera tiegħu fil-livell tal-klabbs.

L-aħħar suċċess tiegħu wasal proprju ftit tal-jiem ilu meta San Ġwann Boċċi Klabb ġew inkurunati champions tat-tournament tax-xitwa organizzat mill-klabb ta’ Ħal-Għaxaq, wara rebħa konvinċenti ta’ 21-6 fil-finali kontra Żejtun Boċċi Club.

Għal Nathan, dan kien mument speċjali, mhux biss bħala trofew, iżda bħala konferma tal-progress tiegħu u tat-tim. Dan is-sit elettroniku ħadlu l-kummenti tiegħu wara din ir-rebħa.

“Impressjonajt ruħi bil-logħob tat-tim,” jistqarr Nathan. “Tawni ħafna responsabbiltà u bdejt tajjeb. Kien tournament organizzat tajjeb ferm minn Ħal Għaxaq b’logħbiet mhux faċli, iżda rnexxielna nirbħu timijiet tajbin.”

San Ġwann daħlu għal dan it-tournament bħala tim li kien diġà qed jikber fil-livell kompetittiv, speċjalment wara li telgħu mit-Tieni Diviżjoni. Il-fatt li rnexxielhom jispiċċaw champions juri mhux biss il-kwalità tat-tim, iżda wkoll il-ħidma kollettiva li saret matul l-istaġun.

Il-passjoni ta’ Nathan għall-boċċi mhijiex xi ħaġa li ġiet b’kumbinazzjoni.

“Ili nilgħab il-boċċi erba’ snin,” jgħid. “Imma fil-verità, kollox beda mill-familja hekk kif missieri Joseph Tabone ilu jilgħab snin twal u minn hemm ġiet l-imħabba tiegħi lejn dan l-isport.”

Li tikber f’ambjent fejn il-boċċi huma parti mill-ħajja ta’ kuljum jagħtik vantaġġ naturali. Nathan jara lil missieru bħala ispirazzjoni kontinwa.

“Il-fatt li missieri għadu jilgħab tajjeb jagħtini motivazzjoni. Huwa eżempju għalija.”

Il-karriera kompetittiva ta’ Nathan bdiet fl-2023 meta lagħab ma’ Pietà fit-Tielet Diviżjoni. Din kienet l-ewwel esperjenza tiegħu f’ambjent strutturat u kompetittiv.

Fl-2024 għamel pass ’il quddiem meta ngħaqad ma’ Tarxien fit-Tieni Diviżjoni. Dan kien staġun importanti, hekk kif it-tim kiseb promozzjoni għall-Ewwel Diviżjoni.

“Kien staġun diffiċli, iżda sabiħ. Tgħallimt ħafna u għamilna progress bħala tim.”

Is-sena ta’ wara, fl-2025, Nathan kompla jikseb esperjenza meta lagħab ma’ Żebbuġ fl-Ewwel Diviżjoni eżattament fil-kampjonat tar-riservi. Hawnhekk beda jifhem aktar il-livell ta’ kompetizzjoni meħtieġ biex tibqa’ tikkompeti kontra timijiet stabbiliti.

Fl-2026 wasal il-pass li jmiss iġifieri il-mossa lejn San Ġwann li din is-sena ġew promossi għall-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni.

Nathan jiddeskrivi l-esperjenza tiegħu ma’ San Ġwann bħala waħda pożittiva ħafna.

“San Ġwann huma nies ta’ veru. Hemm sens ta’ għaqda fit-tim u dan jgħinek tagħti l-aħjar tiegħek.”

Hu jħoss li l-klabb poġġa fiduċja fih, speċjalment meta ngħata responsabbiltà fil-logħob.

“Meta tim jafdak, trid turi li jistħoqqlok dik il-fiduċja.”

Il-fatt li San Ġwann telgħu mit-Tieni Diviżjoni u komplew jikkompetu kontra timijiet b’saħħithom juri li l-klabb miexi fid-direzzjoni t-tajba u Nathan kien parti minn dan il-vjaġġ.

It-tournament organizzat mill-klabb ta’ Ħal-Għaxaq kien prova oħra tal-progress tat-tim.

Fil-finali tas-27 ta’ Frar 2026, San Ġwann ħarġu rebbieħa b’mod dominanti 21-6 kontra Żejtun.

“Kienet finali sabiħa u importanti għalina,” jgħid Nathan. “Dawn huma mumenti li jibqgħu f’moħħok.”

Għalih, din ir-rebħa kienet aktar minn sempliċi trofew anzi kienet sinjal li t-tim qed jaħdem fid-direzzjoni t-tajba u li l-isforz kollettiv qed iħallas.

Nathan huwa magħruf li jikkompeti aktar f’kompetizzjonijiet tat-tim milli individwali, fatt li juri kemm japprezza l-element kollettiv tal-logħba.

Barra minn hekk, Nathan jemmen li l-boċċi mhux biss jgħallmuk kif tikkompeti, iżda wkoll kif tibni karattru u dixxiplina personali. Huwa jħares lejn kull logħba bħala opportunità biex jitgħallem, kemm mir-rebħ kif ukoll mit-telfa. “Kull esperjenza tgħinek tikber,” jgħid. Din il-mentalità pożittiva qed tgħinu jibqa’ ffukat fuq l-iżvilupp tiegħu, filwaqt li jkompli jikkontribwixxi għas-suċċess kollettiv ta’ San Ġwann fil-preżent u fil-futur.

Fil-boċċi, il-komunikazzjoni u l-fiduċja bejn il-plejers huma essenzjali u Nathan jemmen li dan huwa wieħed mill-punti b’saħħithom tiegħu.

“Il-logħba tat-tim tgħallmek ħafna mhux biss teknikament, iżda wkoll mentalment.”

Fil-kuntest Malti, il-progressjoni ta’ plejer fil-boċċi ġeneralment tibda mill-klabbs u tkompli permezz ta’ tournaments u kampjonati nazzjonali.

Din il-mixja turi determinazzjoni u konsistenza li huma kwalitajiet meħtieġa biex plejer ikompli javvanza.

Għalkemm għadu fil-bidu tal-karriera tiegħu, Nathan għandu għan ċar.

“Nixtieq li fil-futur nirbaħ aktar unuri.Jien bħala karattru ma naqtax qalbi iġifieri nemmen li nista’ nagħmilha.”

Din ix-xewqa personali hija riflessjoni tal-mentalità tiegħu li dejjem jfittex li jtejjeb u jimxi ’l quddiem.

Il-vjaġġ ta’ Nathan Tabone huwa storja ta’ progress u determinazzjoni. Minn bidu modest fit-Tielet Diviżjoni sa suċċess ma’ San Ġwann, huwa diġà għamel passi sinjifikanti f’karriera li għadha fil-bidu tagħha.

Ir-rebħa fit-tournament ta’ Ħal-Għaxaq hija kapitlu ieħor f’dan il-vjaġġ anzi wieħed jgħid li jista’ jkun il-bidu ta’ aktar suċċessi fil-futur.

U jekk il-passjoni u l-impenn tiegħu jibqgħu l-istess, hemm kull ċans li l-isem ta’ Nathan Tabone jibqa’ jinstema’ aktar fix-xena tal-boċċi Maltin fis-snin li ġejjin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport