Wednesday, March 25, 2026

Nature Trust Malta u Atlas Insurance jingħaqdu għall-inizjattiva Water for Wildlife 

Aqra wkoll

Atlas Insurance tħabbar l-sħubija tagħha ma’ Nature Trust Malta biex tappoġġja l-proġett Water for Wildlife. Iffinanzjat permezz tal-Atlas Insurance Community Involvement Fund, dan il-proġett ambjentali għandu l-għan li jissalvagwardja l-bijodiversità ta’ Malta permezz tal-provvista ta’ sorsi tal-ilma sostenibbli għall-fawna selvaġġa.

Waħda mill-aktar sfidi urġenti li qed tiffaċċja l-fawna indiġena ta’ Malta hija d-deidrazzjoni kawżata minn perjodi twal ta’ nixfa, li qed jagħmluha diffiċli għal ħafna speċi biex isibu ilma nadif u aċċessibbli, u b’hekk qed tiżdied il-pressjoni fuq dawk il-popolazzjonijiet li diġa jinsabu f’riskju. Sabiex jindirizza din l-isfida, il-proġett se jinstalla madwar 50 faċilità tal-ilma li huma ddisinjati apposta madwar Malta u Għawdex. Bħala parti minn din l-inizjattiva, membri ta’ TeamAtlas ipparteċipaw ukoll f’workshop tal-fuħħar, fejn ħolqu numru ta’ dawn il-bwieqi tal-ilma biex jappoġġjaw din l-inizjattiva.

Is-sorsi tal-ilma primarjament se jitpoġġew f’żoni ħodor u semi-naturali, kif ukoll f’żoni urbani fejn wieħed isib ta’ spiss il-fawna selvaġġa, u ser ikunu taħt ir-responsabbiltà ta’ voluntiera mħarrġa li jieħdu ħsiebhom u jimlewhom b’ilma nadif regolarment. Il-kontenituri tal-ilma se jikkonsistu minn bwieqi tal-fuħħar magħmulin apposta, iddisinjati speċifikament għall-użu mill-fawna selvaġġa, u jipprovdu alternattiva sostenibbli u mhux tal-plastik adattata għall-kundizzjonijiet ta’ barra. Kull faċilità se jkollha kodiċi QR li jidderieġi lill-pubbliku għal aktar informazzjoni dwar l-inizjattiva, filwaqt li siti magħżula se jiġu mgħammra b’kameras biex jgħinu fil-monitoraġġ tal-attività tal-fawna selvaġġa u jappoġġjaw ir-riċerka dwar il-bijodiversità.

Catherine Calleja, Chair tal-Atlas Insurance Community Involvement Fund Committee, spjegat: “Permezz ta’ dan il-Fond, aħna nappoġġjaw inizjattivi li jgħinu lil Malta tindirizza l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Il-proġett Water for Wildlife jikkontribwixxi għall-għan 15 – Il-Ħajja fuq l-Art, billi jsaħħaħ l-ekosistemi lokali u jindirizza t-telf tal-bijodiversità, filwaqt li jappoġġja wkoll l-għanijiet 6 u 12 permezz tal-ġestjoni responsabbli tar-riżorsi naturali. L-impatt ta’ dan il-proġett jolqot iktar minn għan wieħed billi jgħaqqad flimkien l-azzjoni fil-qasam ambjentali u l-impenn tal-komunità. L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli mhumiex sempliċiment qafas ta’ politika, iżda gwida għal azzjoni prattika u konkreta, kid jidher fil-parteċipazzjoni ta’ TeamAtlas fl-ewwel workshop għall-produzzjoni tal-faċilitajiet tal-ilma.”

Il-President ta’ Nature Trust Malta Vincent Attard stqarr: “L-appoġġ eċċezzjonali fil-qasam tar-responsabbiltà soċjali korporattiva mill-istaff ta’ Atlas għall-proġett Water for Wildlife kien tassew ta’ ispirazzjoni. Hekk kif it-tibdil fil-klima jwassal għal perjodi dejjem aktar sħan u twal ta’ nixfa, ħafna annimali – fosthom il-qanfud, il-ġurdien ta’ ħalqu twil u l-gremxul – qed isibuha difffiċli biex isibu sorsi ta’ ilma aċċessibbli. Dan il-proġett għandu rwol importanti biex jgħin lill-annimali selvaġġi jgħixu matul l-aktar xhur sħan tas-sena billi jipprovdi aċċess affidabbli għall-ilma tax-xorb meta jkun l-aktar meħtieġ. Permezz ta’ din l-inizjattiva, l-istaff ta’ Atlas qed jagħmel differenza sinifikanti u konkreta għall-benesseri tal-annimali selvaġġi lokali. Dan jgħin ukoll biex jonqsu s-sejħiet għall-assistenza lin-Nature Trust Wildlife Rescue Team minħabba d-deidrazzjoni. 

L-inizjattiva Water for Wildlife hija waħda minn diversi proġetti komunitarji appoġġjati mill-Atlas Insurance Community Involvement Fund wara s-sejħa għall-applikazzjonijiet tal-2025, li se tiggwida x-xogħol tal-Fond fis-snin li ġejjin. Atlas Insurance se tkun qed tikkollabora wkoll ma’ Nature Trust Malta fuq it-tieni proġett, li mistenni jitnieda aktar tard din is-sena, u b’hekk tissaħħaħ is-sħubija u l-impenn kondiviż lejn l-impatt soċjali u ambjentali madwar Malta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport